Il-fiduċja fil-Kap Nazzjonalista hija l-agħar li qatt kienet, hekk kif tgħodd biss wieħed u għoxrin punt erbgħa fil-mija.
Dan joħroġ ċar fi stħarriġ tal-MaltaToday, li juri kif Bernard Grech naqqas il-fiduċja bi tnejn punt tnejn fil-mija, meta mqabbel mal-aħħar stħarriġ ta’ Mejju li għadda.
Fil-fatt, f’Mejju li għadda, Grech kellu l-inqas fiduċja rreġistrata fost l-elettorat minn mindu laħaq Kap Nazzjonalista kważi sentejn ilu. Dan minkejja li reġa’ ġie kkonfermat Kap ftit tal-ġimgħat ilu.
Intant, l-istess stħarriġ juri kif il-Prim Ministru Robert Abela baqa’ jgawdi fiduċja b’saħħitha fost l-elettorat. Huwa rreġistra fiduċja ta’ ħamsin punt erbgħa fil-mija biex id-distakk fil-fiduċja bejn iż-żewġ mexxejja, tela’ għal disgħa u għoxrin punt perċentwal.
L-istħarriġ juri wkoll kif il-Prim Ministru għandu l-fiduċja ta’ ftit aktar minn tlieta u disgħin fil-mija ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali.
Dr Abela kiseb ukoll il-fiduċja ta’ sitta fil-mija minn dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-aħħar Elezzjoni, u aktar minn sitta u għoxrin fil-mija ta’ dawk li ma vvutawx.
Mhux l-istess jista’ jingħad għal Bernard Grech, li kiseb biss il-fiduċja ta’ sittin fil-mija ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali.
Fejn tidħol il-fiduċja f’faxex differenti tas-soċjetà, Bernard Grech ukoll kiseb riżultati ħżiena.
Fost il-votanti żgħar, Grech kiseb fiduċja ta’ ħmistax fil-mija biss filwaqt li l-Prim Ministru Robert Abela kiseb fiduċja ta’ aktar minn sitta u erbgħin fil-mija taż-żgħażagħ.
Fejn jidħlu l-pensjonanti, il-Prim Ministru jgawdi fiduċja ta’ aktar minn ħamsa u ħamsin fil-mija, filwaqt li l-Kap Nazzjonalista huwa fdat biss minn wieħed u tletin fil-mija tal-anzjani.
Grech kiseb l-agħar riżultat ta’ fiduċja fost dawk li għandhom bejn disgħa u tletin sena u ħamsin sena, bi ftit aktar minn ħdax fil-mija.
L-istħarriġ jinnota wkoll tnaqqis ta’ tlieta fil-mija fil-fiduċja li jgawdi l-Partit Nazzjonalista meta mqabbel ma’ Mejju li għadda, u bħalissa jgawdi fiduċja ta’ kważi sitta u għoxrin fil-mija tal-elettorat. Min-naħa l-oħra, il-Partit Laburista baqa’ jżomm fiduċja b’saħħitha, li tlaħħaq it-tnejn u erbgħin fil-mija.
Il-Partit Laburista kiseb riżultati aħjar mill-Partit Nazzjonalista fil-fiduċja fost il-faxex kollha tal-etajiet.