“Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech reġa’ kkonferma li ma tafx fejn qiegħed miegħu u li ma jmexxix lill-Partit Nazzjonalista.”
Qal dan il-Partit Laburista fi stqarrija b’reazzjoni għad-dikjarazzjoni ta’ Bernard Grech il-Ħadd filgħodu f’intervista li kellu fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista.
Hawnhekk Bernard Grech għamilha ċara li l-Partit Nazzjonalista mhux se jkun qed jappoġġja n-nomina tal-Gvern tal-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi għall-kariga tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards għall-Ħajja Pubblika.
“M’aħniex le qegħdin nibbackjaw il-ħatra ta’ min qed jinsisti Robert Abela ta’ min ipoġġi bħala Standards Commissioner.”
B’din id-dikjarazzjoni Bernard Grech ikkonferma b’mod ċar dak li indika l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija l-Erbgħa filgħaxija.
Stqarrija li skond il-Partit Laburista, turi kif il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech mar lura minn kliemu wara li anke kien imġiegħel mill-ewlenin tal-establishment wara laqgħa tal-Grupp Parlamentari li għamel.
Dan hekk kif fid-diskussjonijiet dwar il-nomina tal-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon għal-kariga ta’ Ombudsman u dik tal-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi bħala Kummissarju għall-Istandards, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien qabel mal-proposta tal-Prim Ministru, li l-eks Prim Imħallef Joseph Azzopardi jkun innominat għall-Kummissarju għall-Istandards
Il-Partit Nazzjonalista u l-Kap Bernard Grech baqgħu ma taw l-ebda raġuni għaliex in-nomina ta’ eks Imħallef hija aċċettabbli u ta’ eks Prim Imħallef ieħor, le.
Dan minkejja li l-istess Prim Imħallef Emeritu kien maħtur ġudikant fi żmien Gvern Nazzjonalista
L-Erbgħa filgħodu, qabel il-Partit Nazzjonalista ddikjara l-pożizzjoni opportunistika tiegħu, l-Prim Ministru kien diġa’ tkellem b’mod ċar dwar dan is-suġġett.
“Qadt attent ħafna li ma nressaqx ’il quddiem ismijiet li jistgħu jkunu kontroversjali jew diffiċli għall-Oppożizzjoni biex taċċetta propju biex b’ebda mod din in-naħa ma tiġi akkużata li b’xi mod qed timponi r-rieda tagħha. Però fid-dawl ta’ dan l-impass issa li għandek Oppożizzjoni li filli tgħidlek taqbel u filli jkun hemm ir-ripensamenti allura jekk se nibqgħu f’dan l-istat mhux aċċettabbli li dawn il-karigi jibqgħu battala u jekk mhux se nilħqu qbil fuq il-kariga ta’ Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards, għax hemmhekk huwa permissibbli li ndaħħlu an anti deadlock mechanism, jekk se nibqgħu mwaħħlin għal ebda raġuni valida f’dan l-impass allura n-naħa tal-Gvern tkun lesta li tikkunsidra ddaħħal an anti deadlock mechanism biex din il-ħatra tkun tista’ eventwalment timtela’.”