Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ikkonferma li l-Partit Nazzjonalista għandu viċin it-€32 miljun dejn, li kellu aktar minn sentejn u nofs ilu.
Ikkonferma dan il-Ħadd filgħodu fejn, waqt laqgħa tal-Kunsill Ġenerali Nazzjonalista, wera li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-Partit baqgħet ma tjiebetx.
“Rigward il-qagħda llum, ma nistax ngħidlek li ċċekkjajt illum jew ilbieraħ, però sal-aħħar li jiena ġejt informat, il-qagħda għadha viċin.”
Imbagħad meta qalulu li qed jibqa’ jikser il-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti billi ma jissottomettiex il-kontijiet finanzjarji u r-rapport ta’ x’donazzjonijiet idaħħal il-partit, issa għal diversi snin, Bernard Grech pront waħħal fl-awditur u qal li jiddependi minnu.
“Aħna għamilna dak kollu li kellna nagħmlu u fil-fatt il-karti kollha qegħdin għand l-awditur. L-awditur, fil-fatt, kiteb proprju lill-Kummissjoni Elettorali u informahom li issa jiddependi minnu.”
Quddiem l-akkuża li baqa’ ma ċaħadx, li mal-iżviluppatur Anton Camilleri, magħruf bħala “Tal-Franċiż”, mhux biss iltaqa’, iżda ġie allegat li qallu biex imexxi bi żvilupp għax, imbagħad, se jkun jista’ jiftħu hu bħal Prim Ministru, Bernard Grech qagħad idur mal-lewża u ħarab milli jwieġeb.
Anke dwar jekk irċeviex xi donazzjoni mingħand l-istess żviluppatur. Xi ħaġa li, s’issa, żgur ma tistax tiġi vverifikata, ladarba l-Partit Nazzjonalista għadu qed jaħbi d-donazzjonijiet li jdaħħal u ma jurix dan lill-Kummissjoni Elettorali, kif obbligat bil-liġi, għall-iskrutinju pubbliku.
Ġurnalista: “Inti personalment iltqajt ma’ Anton Camilleri ‘Tal-Franċiż’? Kellna nies li rawh dieħel id-Dar Ċentrali, imma staqsejna din il-mistoqsija għal darba, darbtejn, u d-darbtejn ġiet evitata. Ġew diskussi l-local plans f’din il-laqgħa? Vera li, kif qal Ministru Laburista, li int għedtlu mexxi ħalli, meta nkun Prim Ministru, ninawgurah u l-iżviluppatur ta donazzjonijiet lill-Partit Nazzjonalista? Dawk id-donazzjonijiet ġew b’kundizzjonijiet magħhom?”
Bernard Grech: “L-aħħar darba mort il-Lufthansa Technik pereżempju. Fi tmiem il-laqgħa, bla dubju, jien interessajt ruħi u ridt inkun naf il-pjani tal-kumpanija.”
Fuq aktar taħwid fil-Partit tiegħu, Bernard Grech kompla jdur mal-lewża u fuq Segretarju Ġenerali flok Michael Piccinino, li ġie ordnat jirriżenja kif kienet żvelat aktar kmieni din is-sena l-gazzetta KullĦadd, Grech qal li għandu ħafna ismijiet fuq moħħu.
Dan wara li dan l-aħħar, Piccinino mar ma’ wieħed mill-predeċessuri tiegħu, Pawlu Borg Olivier, il-Qorti biex jipprova jitfa’ l-ħabs lill-ħaddiema tal-PBS u ma jħallix lill-Gvern jinforma lill-poplu kif se jintlaqat mill-Baġit.
“U mela m’għandix lil xi ħadd f’moħħi, u mela m’għandniex, anzi għandi lil xi wħud.”
Sadanittant il-Kap Nazzjonalista ppropona li, kemm-il darba jkun Prim Ministru, ineħħi dik li, skontu, hi sena żejda fil-ħlas tal-bolla kif imħabbar fil-Baġit għas-sena d-dieħla.
Minkejja dan, waqt li l-miżura tittieħed kultant żmien għas-sostenibilità tal-pensjonijiet, din ukoll ġiet proposta u approvata mill-Kummissjoni Ewropea. Iżda, iżjed minn hekk, il-proposta tal-Kap attwali Nazzjonalista tmur kompletament kontra d-deċiżjoni tal-predeċessur tiegħu, Simon Busuttil.
Fil-fatt, meta fl-2016 tressqet għall-approvazzjoni fil-Parlament emenda simili u l-għadd tal-kontribuzzjonijiet tela’ għal 41 sena minn 40, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, dakinhar immexxija minn Simon Busuttil, ma sabet l-ebda oġġezzjoni u l-vot għadda b’mod unanimu.
Ironikament, fl-istess jum tal-Ħadd li Bernard Grech spara bl-addoċċ dwar il-miżura tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, il-gazzetta Sunday Times ippubblikat fact checker li wera li mhux veru li l-miżura se tgħolli l-età tal-irtirar lill-ħaddiema.