Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech għad ma jafx x’deċiżjoni se jieħu dwar il-każin tal-Ħamrun, li dwaru reġa’ qam ġlied kbir fil-Partit Nazzjonalista wara li l-Viċi Kap Alex Perici Calascione qed jinsisti li l-każin jerġa’ jiftaħ mill-istess nies li ma ħallewx lill-Kap jidħol fil-festa ta’ San Gejtanu u minħabba f’hekk wieħed minn ta’ Grech spiċċa jaqla’ xebgħa u kellu jiġi operat għall-ġrieħi li sofra.
Dwan dan ukoll infetaħ każ fil-Qorti.
Il-Ħadd li għadda, il-gazzetta KullĦadd żvelat kif reġa’ qam ġlied kbir fuq il-kwistjoni tal-każin tal-Ħamrun li ngħalaq is-sajf li għadda wara l-episodju umiljanti għall-Kap Bernard Grech.
Il-barman tal-każin, Manuel Attard, hu ferm qrib tal-eks Kap Adrian Delia u Mario De Marco, fil-fatt kanvażer ta’ dan tal-aħħar. Il-fazzjonijiet tat-tnejn komplew bil-pressjonijiet biex il-każin jerġa’ jiftaħ mill-istess barman jew qraba tiegħu.
Sigħat wara li ġiet żvelata din l-istorja, fuq ix-Xandir, Bernard Grech ikkonferma li lanqas deċiżjoni fuq każin tal-partit tiegħu stess mhu kapaċi jieħu.
“Il-Ħamrun, għalaqt il-każin għal numru ta’ xhur. Fil-mument opportun naraw x’deċiżjoni nieħu ’l quddiem.”
Id-diskussjoni fid-Dar Ċentrali spiċċat iddur fuq dan il-każ u qam furur kbir fuqu, fi żmien meta l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista suppost qed iwieġeb għall-Baġit.
Dawk qrib ir-raġel li ġie ferut bix-xebgħa minn Nazzjonalisti stess, Noel Mifsud Bonnici, qed jgħidu li hu inaċċettabbli li l-każin jerġa’ jiftaħ.
Jekk xejn qed jgħidu li, kemm-il darba l-Kap lanqas rispett lejh innifsu m’għandu, almenu għandu jkollu r-rispett lejn min ġie msawwat minħabba fih, biex imbagħad abbandunah fejn kien biex qagħad jieħu r-ritratti u jxejjer lin-nies mill-gallarija ta’ każin tal-banda fuq in-naħa l-oħra tat-triq.