Il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qed jiġbor il-flus mingħand il-pubbliku sabiex iwettaq il-kampanja tiegħu.
Grech ħabbar dan il-Ħamis wara nofsinhar hekk kif permezz ta’ pjattaforma online nieda kampanja ġbir ta’ fondi.
Kampanja li għaliha l-massimu ta’ kontribuzzjoni waħda li wieħed jista’ jagħti ma tistax taqbeż il-€250.
Madankollu mal-ewwel bdew jidhru affarijiet kunfliġenti fil-mod ta’ kif jingħataw il-flus.
Minkejja l-massimu ta’ €250 f’donazzjoni waħda, ONE News seta’ jara kif wieħed minn dawk li għażel jagħti donazzjoni, għamel donazzjoni ta’ €1,000. €750 aktar mill-limitu stipulat mill-pjattaforma uffiċjali.
Fil-messaġġ tiegħu fil-pjattaforma fejn fiha jistgħu jingħataw il-flus, Grech jgħid ukoll li dan il-ġbir ta’ riżorsi għall-kampanja tiegħu jridu li jkun xempju ta’ ndafa u trasparenza. Minkejja dan Grech permezz ta’ messaġġ ieħor viżiv sostna li l-kontributuri jistgħu jibqgħu anonimi.
Grech stqarr: “Għandkom iċ-ċans li tużaw pjattaforma diġitali li hija leġittima li anke b’mod anonimu tkunu tistgħu tpoġġu ammont żgħir kemm hu żgħir li tistgħu tagħżlu wkoll li ma jidhirx. “
Grech saħansitra qal li dawk il-flus li ma jintużawx għall-kampanja tiegħu għall-Kap se jkun qed jgħaddihom lill-Partit Nazzjonalista.
Grech sostna: “Il-bilanċ ta’ dak kollu li ma nkunux użajna mill-flus li se tkunu qegħdin tagħtu intom. Se jkun mogħti lill-Partit Nazzjonalista.”
6 sigħat biss wara t-tnedija ta’ din il-kampanja Grech kien diġà ġabar ‘il fuq minn €15,500 min 360 donazzjoni biss.