Fil-Parlament, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ftaħar fil-passat tal-gvern Nazzjonalista fil-qasam tal-enerġija, permezz tal-power stations fil-Marsa u Delimara li kienu jaħdmu bil-heavy fuel oil, l-aktar żejt li jniġġes.
Bosta jiftakru l-inkonvenjent li kienet toħloq il-produzzjoni tal-enerġija bi fjuwil li jniġġes ħafna, fosthom il-problemi respiratorji u l-problema tat-trab iswed għan-nies tan-nofsinhar tal-pajjiż, qrib dawn il-power stations.
Min-naħa tagħha, waqt din is-seduta Parlamentari tkellmet ukoll il-Ministru responsabbli mill-Enerġija, Miriam Dalli, li fakkret li l-gvern Nazzjonalista vvota bil-qalb biex jogħlew il-kontijiet fi żminijiet ta’ sfida.
Hija nnutat li, b’kuntrast, fi żminijiet ta’ kriżi internazzjonali bla preċedent, il-familji Maltin u Għawdxin illum għandhom kontijiet tal-enerġija stabbli, bil-kontra ta’ pajjiżi oħra.
Il-Ministru Dalli sostniet li, bil-politika tiegħu, il-gvern Laburista qed jiffranka lill-familji Maltin u Għawdxin medja ta’ €2,000 fis-sena.
“Għalhekk, in-nies bina moħħhom mistrieħ. Għalhekk il-poplu rrifjuta l-politika tal-enerġija tal-Partit Nazzjonalista. Għax jafu li l-Partit Laburista fil-Gvern iwettaq. Jafu li meta se nagħtuhom soluzzjoni se tkun soluzzjoni li tgħin mhux titfa’ piż fuqhom.”
Il-Ministru Dalli nsistiet li l-gvern Laburista mhux biss qed jassigura l-provvista tal-enerġija bi prezz li ma jkunx ta’ piż fuq il-poplu, imma qed jara wkoll li l-enerġija tkun nadifa b’investiment f’sorsi alternattivi ta’ enerġija.