F’tas-Sliema l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal lin-nies biex ma jinxtrawx biċ-ċejċa, b’referenza għaċ-ċekkijiet ta’ investiment fin-nies.
F’diskors mimli konfrontazzjoni mhux biss minnu imma kelliema oħra, fosthom David Casa, Bernard Grech qal hekk.
Qal, “Mhux se tinxtara biċ-ċejċa li jtik hu.”
Casa mbagħad beda jgħid li se jiġġieled lil-Laburisti.
Stqarr, “Jiena mhux ser nibża’ minnkom. U iva ħa niġġieldulkom.”
Dawn ma kienux l-uniċi dikjarazzjonijiet li għamel Casa, l-Ħadd filgħodu fejn talab lill-elettorat jagħti t-tielet siġġu lill-Partit Nazzjonalista biex skont Casa, tal-Partit Nazzjonalista jkollhom aktar saħħa.
Qal, “Tuna t-tielet siġġu ħalli jkollna iktar saħħa.”
Imbagħad kien imiss lill-kandidat Nazzjonalista, Peter Agius, li kompla fuq din ir-retorika fejn tenna li jrid ikompli fuq ix-xogħol li sar minn fost l-oħrajn Casa.
Stqarr, “Il-mewġa tal-bidla. Ser inkompli nibni fuq li għamel Simon Busuttil, fuq li għamel Francis Zammit Dimech, Therese Comodini Cachia, u fuq kollox li għamlu sħabi Roberta Metsola u l-ħabib tiegħi David Casa.”
Casa, li tkellem wara Peter Agius, qal li l-Partit Nazzjonalista għandu t-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew.
Temm jgħid, “U ma ndumux ma niġu quddiemkom bi tliet kandidati tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew.”