Bernard Grech kompla jiddefendi lill-istrateġista tiegħu Chris Peregin li għadu qed jidher f’kawża kontra l-ħaddiema tal-midja tiegħu.
Meta mistoqsi jekk hux komdu jħallas 60,000 ewro lil Peregin meta dan għadu qed jidher f’kawża kontra l-ħaddiema tan-NET, Bernard Grech qal li huwa kuntent ħafna b’Peregin.
Huwa qal, “Rigward il-paga li qed jingħata omeno Peregin, Peregin qed jagħmel xogħol tajjeb.”
Peregin qal li telaq mil-LovinMalta biex ikun strateġista ta’ Bernard Grech u kien qal li se jbigħ l-ishma li kellu fis-sit li kien imexxi iżda rapport fuq il-gazzetti, kixfu li għad għandu kontroll enormi fuq is-sit li hu kien isejjaħ indipendenti.
Intant din mhux l-ewwel darba li Bernard Grech għażel lil Chris Peregin flok il-ħaddiema tal-istazzjon tiegħu.
Sorsi fl-imkejjen tad-Dar Ċentrali qalulna kif il-paga ta’ Chris Peregin għokrot għajnejn il-ħaddiema tan-NET li filwaqt li fil-passat għamlu sagrifiċċji kbar minħabba d-dejn tal-Partit Nazzjonalista, issa qed jaraw differenza kbira ma’ dak li jirċievu huma ta xogħlhom fl-aħħar tax-xahar.
Dan fid-dawl ukoll li l-istrateġista ta’ Grech għadu jiġġieled kawża sabiex jingħalqu l-istazzjonijiet politiċi bl-effett li l-ħaddiema tal-media.link jispiċċaw bla xogħol.
Xi ħaġa li dwarha Bernard Grech iddefendieh u ċedilu biex Peregin ikompli bil-kawża.
Fil-fatt Grech spiċċa anki jipprova jgħatti x-xemx bl-għarbiel biex iżomm f’dell tajjeb, lil Peregin
“Gidba hija li ngħidu li din hija kawża kontra l-istazzjonijiet tal-partit. Dik mhijiex hekk.”
Meta kien mistoqsi: “Taqbel miegħi li b’dik il-kawża, l-għanijiet tagħha kien li jingħalaq in-NET u l-ONE? Naħseb hawnhekk naqblu Dr Grech. Ma jistax ikun li noqogħdu nduru daqsekk mal-lewża.”
Bernard Grech wieġeb: “L-għanijiet ta’ dik il-kawża hija li dan il-pajjiż fl-aħħar jeħles mill-partiġġjaniżmu.”