Bernard Grech baqa’ jiddefendi lil Jason Azzopardi għaliex huwa ħati bl-istess dnub fiskali.
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Partit Laburista, f’konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mill-President tal-Partit Laburista Dr Ramona Attard u s-Segretarju Parlamentari Alex Muscat.
Dan wara li ftit tal-jiem ilu ONE News żvela li Jason Azzopardi ma ddikjarax id-dħul tiegħu għall-ħlas tat-taxxa għal numru ta’ snin.
Dwar dan, Ramona Attard rreferiet għad-dikjarazzjoni tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech fejn qal li dan il-każ ta’ Jason Azzopardi huwa magħluq u ma hemmx azzjoni x’jieħu.
Dr. Attard qalet li l-Partit Nazzjonalista jimxi b’riga differenti għad-deputati tiegħu.
Qalet kif, “Jason Azzopardi li suppost hu responsabbli mill-qasam tal-impjiegi onesti, mill-ħaddiema onesti, hu stess ma jimxix bl-eżempju. Sakemm qed nitkellmu, sakemm dħalna għal din il-konferenza tal-aħbarijiet mhux talli Bernard Grech dwar Jason Azzopari ma ħax passi iżda qal li għalih dan il-każ hu magħluq.”
Minn naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li b’din l-aħħar mossa, il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech qed jinsulta lil ħafna ħaddiema li minkejja li jkunu għaddejin minn proċess ta’ separazzjoni l-obbligu tat-taxxa tagħhom dejjem onorawh.
Tenna li Jason Azzopardi jinsab mimli arja dwar dan il-każ għax jaf li Bernard Grech ma jista’ jieħu l-ebda passi fil-konfront tiegħu.Dan hekk kif mhux biss għandu l-klikka tal-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil tiddefendih, iżda l-Kap innifsu jħaddan l-istess dnubiet.
Spjega, “Huwa ċar kristall li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista li ma ħallas it-taxxa mhux qiegħed f’pożizzjoni li jieħu passi kontra deputat li għamel bħalu wara kollox għalhekk Bernard Grech m’għandu ebda awtorità morali jitkellem fuq korrettezza jew etika fil-politika. Fuq kollox ma jistax jieħu passi kontra minn irrikattah sa mill-ewwel ġurnata fil-kariga tiegħu fil-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni.”
Muscat temm isostni li b’kuntrast ma’ Partit Nazzjonalista li f’25 sena fil-Gvern ma għamel xejn biex itejjeb il-governanza t-tajba f’pajjiżna, Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela f’sena waħda biss ħa passi bla preċedent biex ikompli jsaħħaħ is-saltna tad-dritt u l-governanza.