Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ħareġ għonqu għal Jason Azzopardi u ddefendih fuq leaks mill-inkjesti fuq il-mezzi soċjali. Grech ħareġ b’din id-difiża qawwija fil-konfront ta’ dak, li kien fost l-ewlenin li poġġewh Kap, waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista t-Tlieta filgħodu.
Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet b’rabta mal-Inkjesta Vitals u li fiha, għal darb’oħra, ħareġ kemm Bernard Grech hu mmexxi mill-establishment Nazzjonalista.
Fil-fatt, Grech għamel minn kollox biex jaħrab il-mistoqsija ta’ ONE News – dik jekk iqisx l-aġir ta’ Jason Azzopardi li jippubblika mill-inkjesta bħala aġir aċċettabbli.
Qal, “Meta saru dawn il-leaks?”
Saħansitra kompla mat-teatrin li kien għamel fil-festi tal-Indipendenza biex jiddevja milli jwieġeb id-domanda li saritlu.
Qal, “Jekk jidhirlek li Jason Azzopardi għamel xi ħaġa ħażina, nistiednek issa stess immorru għand il-Kummissarju tal-Pulizija.”
Sakemm fl-aħħar Grech kellu joħroġ għonqu u jiddefendi lil Azzopardi billi sostna kif mhux minnu li Jason Azzopardi llikja mill-inkjesta.
Qal, “Dak li qed tallega taf li mhux minnu.”
Madankollu hu fatt magħruf kif Jason Azzopardi fuq numru ta’ xhur ftaħar u ta indikazzjonijiet li kien jaf x’fiha l-inkjesta, immexxija mill-Maġistrat Gabriella Vella.
Tant hu hekk li għal numru ta’ drabi llikja mill-inkjesta b’mod sfaċċat fuq il-midja soċjali.