Bernard Grech iddefenda d-dikjarazzjonijiet tiegħu dwar persuni bla tfal.
Huwa saħaq li gidbu fuqu għalkemm kulħadda sema’ dak li stqarr hu stess f’attività politika f’Ħal Qormi.
Qal, “Ser nirreferi għal gidba oħra li qalulkom il-ġimgħa l-oħra.”
F’nofs il-ġimgħa li għaddiet f’Ħal Qormi kien appella lil dawk li qatt ma seta’ jkollhom tfal biex ikunu attivi fil-Partit Nazzjonalista.
Dan hekk kif stqarr li kull min m’għandux tfal għandu jara li jgħin lil Partit Nazzjonalista jkun fil-Gvern sabiex jassigura futur sabiħ għat-tfal ta’ ħaddieħor.
Qal, “U nsellem minn aw dik l-omm li qatt ma kienet, dak il-missier li qatt ma kien, ħsiebi miegħek ukoll. Pero int ukoll għandek x’toffri, anke jekk ma kellekx tfal, anke jekk ma jistax ikollok tfal, int ukoll, intom ukoll għandkom x’toffru lis-soċjetà. Bil-ħidma tagħkom, bix-xogħol tagħkom, bl-attiviżmu tagħkom jekk tgħinu lil dan il-partit ikun fil-Gvern, tkunu qiegħdin tgħinu lit-tfal ta’ ħaddieħor, biex huma jirnexxu kif xtaqtu li jkollkom tfal intom u jirnexxu wkoll.”
Wara li ddikjara dan il-kliem, fuq il-palk waqt rally fin-Naxxar huwa wkoll mera s-sewwa magħruf.
Qal, “Ħaddieħor ħallih jibqa’ jigdeb. Ħaddieħor ħallih jibqa’ jivvinta fuq l-IVF.”
Filwaqt li f’konferenza tal-aħbarijiet qal li l-Partit Laburista gideb fuqu dwar l-IVF, fl-istess nifs huwa reġa’ għamel l-istess appell lil dawk li minkejja kull sagrifiċċju qatt ma kellhom it-tfal.
Qal, “Jiena lilkom indirizzajt u lilkom għidtilkom li minkejja li intom xorta waħda, minkejja l-għajnuna kollha u minkejja x-xewqat kollha u s-sagrifiċċji kollha bqajtu ma kellkomx tfal, nifhem l-għafsa li għandkom ġo fikom u għidtilkom li tistgħu intom tgħinu lil ħaddieħor ikollu t-tfal billi tgħinu lil Partit Nazzjonalista jkollu l-mandat.”
Bernard Grech għażel ukoll li jipprova jqarraq bl-elettorat u pprova jbeżża’ li s-sistema li għandna f’pajjiżna tal-IVF għandha rata ta’ suċċess baxxa ħafna.
Qal, “Ir-realtà hija li dawn għamlu sistema f’dan il-pajjiż illi s-suċċess tagħha għandha rata baxxa ħafna.”
Iżda lil Bernard Grech igidbu studju tal-Kummissjoni Ewropea li ta punteġġ ta’ wieħed u sebgħin minn mija bi klassifikazzjoni tajba ħafna, li hija fl-istess livell tar-Renju Unit, l-Iżvezja, Spanja, il-Finlandja u d-Danimarka, fost l-oħrajn.
Malta saħansitra kienet ġiet ikklassifikata qabel pajjiżi li ilhom joffru s-servizz tal-IVF għal ħafna snin, fosthom il-Ġermanja, l-Italja, l-Awstrija, Ċipru u l-Irlanda.