Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech kompla jiddefendi d-deċiżjoni ta’ Gvern Nazzjonalista snin ilu, li jestendi ż-żoni ta’ żvilupp b’art daqs is-Siġġiewi.
Dan f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha tkellem dwar l-ambjent u l-ġurnalisti staqsewh ċar u tond x’se jagħmel dwar id-deċiżjoni li waslet biex fuq ħafna artijiet li kienu verġni llum jista’ jsir il-bini.
Qal ċar u tond li dik id-deċiżjoni ma jibdilix u tenna li din mhux se tkun deċiżjoni ħażina: “Ma naqbilx miegħek meta inti ssemmi li l-eżerċizzju tar-razzjonalizazzjoni tal-2006, kien xi eżerċizzju li jagħmel il-ħsara.”
Bernard Grech, li ftit jiem ilu qal li l-Gvern ma jistax jibqa’ jsemmi l-pjani tal-2006 meta jiġi biex jieħu d-deċiżjonijiet, issa sostna li dak kien bżonn.
Sostna: “Kien eżerċizzju illi sar biex saret razzjonalizzazzjoni dak iż-żmien. Għax dak iż-żmien hekk kien hemm bżonn.”
Kienu diversi l-ġurnalisti li staqsewh.
Anke għax Bernard Grech illum idawwar bin-nies li ħadu dawk id-deċiżjonijiet, fosthom b’żewġ galoppini tal-eks Ministru ta’ George Pullicino.
Lil Ray Bezzina għamlu strateġista ewlieni u lil Chris Ciantar għamlu rappreżentant fuq l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.
Għalhekk dak li għamlu huma ddefendieh: “Tibdil mhux fil-local plan, f’dak li jirrigwardja jekk jingħalaqx jew jinfetaħx.”
U filwaqt li ddefenda l-imgħoddi ma qalx x’se jagħmel fil-ġejjieni: “Hemm modi u se nkunu qegħdin ngħidu jekk jalla jrid jekk il-poplu jagħżilna.”