F’diskors ieħor ta’ kampanja elettorali, Bernard Grech baqa’ xott mid-dettalji li suppost isawwru l-wegħdiet tiegħu stess.
F’diskors f’attività politika f’Raħal Ġdid Bernard Grech kompla jikkonferma kemm idejquh il-mistoqsijiet li jitolbu minnu d-dettall dwar dak li suppost qed jipproponi.
Hawnhekk ukoll filwaqt li tkellem dwar il-wegħda tiegħu b’rabta mal-ODZ spiċċa jtenni li n-nies ser ikollhom joqogħdu fuq il-kelma tiegħu u xejn iktar.
Dan filwaqt li stqarr li hu ser jagħti biss direzzjoni biex isiru l-wegħdiet mingħajr ebda konoxxenza ta’ kif dawn fil-fatt ser jitwettqu, jekk ikun Prim Ministru.
“Joqogħdu jistaqsuni jekk identifikajtx, jekk hux hekk jekk hux hekk. Ħasbu li aħna għandna l-politika tal-istampi. Aħna npoġġu l-ideal, aħna npoġġu l-policy id-direzzjoni, u serħu raskom kull sena fil-Gvern il-kelma tiegħi nżommha.”
F’diskorsu huwa spiċċa jbeżża’ b’dikjarazzjonijiet fattwalment skorretti.
Spiċċa jgħid li Gvern Laburista wiegħed ħafna u ma wettaq kważi xejn.
Dan għalkemm Gvern Laburista wettaq 90% tal-manifest elettorali li fuqu tah il-mandat il-poplu fl-2017.
“Tinsewx dawn wiegħduk ħafna u imbgħad ma għamlu kważi xejn.”
Fi sfond tal-konfużjoni li għandu Bernard Grech biex jipprova jispjega l-wegħdiet li ma jafx id-dettal dwarhom, kandidata tal-Partit Nazzjonalista spiċċat tgħid dan il-kliem.
“Aħseb u ara, aħseb u ara la nkunu fil-Gvern x’nagħmlu jiena ngħid.”