Aktar minn xahrejn wara li Bernard Grech tpoġġa fit-tmun tal-Partit Nazzjonalista, il-Kap Nazzjonalista baqa’ ma appuntax ix-shadow cabinet tiegħu.
Innutat dan il-gazzetta The Malta Independent hekk kif spjegat li l-kwistjoni tax-shadow cabinet ġiet diskussa diversi drabi fl-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista madankollu sa issa baqgħet ma ttieħdet l-ebda azzjoni.
Fil-fatt, dan jidher li qed ikun sors ta’ inkwiet kbir għal ħafna li jimmilitaw fil-Partit Nazzjonalista.
Sorsi li tkellmu ma’ ONE News ilmentaw li din il-lajma minn Bernard Grech qed toħloq inċertezza u xkiel kbir fil-ħidma tal-Partit Nazzjonalista. Fil-fatt, sors partikolari ddeskriva dan bħala ‘ġenn’ hekk kif aktar ma jmur qed joqrob iż-żmien għal elezzjoni ġenerali oħra.
“Dan ġenn, speċjalment meta f’sena u nofs mistenni jkollna elezzjoni ġenerali. Fi żmien sena jaf nitilqu għal kampanja u ħadd għadu ma jaf x’ħa jagħmel.”
Dan l-istess sentiment tkellmet dwaru l-Independent hekk kif innutat kif hemm ċertu suġġetti u portafolli li sa issa ma huwa responsabbli tagħhom ħadd.
Il-portafoll li kien jieħu ħsieb id-deputat mibki Fredrick Azzopardi baqa’ ma ġie assenjati lil ħadd. Dan minkejja li Joe Ellis ħa post Azzopardi fil-Parlament. Fil-fatt Ellis għadu mingħajr portafoll.
Il-portafoll ta’ soċjetà diġitali wkoll tħalla mal-ġenb. Dan hekk kif wara li Ivan Bartolo rriżenja sabiex Bernard Grech jiġi co-opted fil-Parlament, dan il-portafoll baqa’ ma ġie assenjat lil ħadd.
Dan kollu apparti li Grech għadu ma qediex obbligi statutorji tal-Partit Nazzjonalista. Eżempju ta’ dan huwa artiklu 75 tal-istatut tal-Partit Nazzjonalista li jittratta l-Kumitat ta’ Tmexxija.
Grech għadu ma ffurmax dan il-Kumitat li xogħlu huwa li jippjana l-istrateġija politika tal-Partit Nazzjonalista u jassigura l-implimentazzjoni tagħha.
L-istatut jgħid ukoll li għandu jiġi ffurmat Kumitat Konsultattiv ffurmat minn Kapijiet, Viċi Kapijiet u Segretarji Ħenerali preċedenti. Dan il-kumitat suppost jiltaqa’ tliet darbiet fis-sena sabiex jiddiskuti l-progress tal-partit.
Taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech dan il-Kumitat għadu wkoll ma ġiex iffurmat.