Bernard Grech għal darb’oħra reġa’ tenna li mhux kburi b’Malta u li jrid ikun hu u sħabu tal-Partit Nazzjonalista li jerġgħu jagħmlu lill-Maltin kburin li huma Maltin.
Dan saħqu waqt diskussjoni politika li fiha ftit li xejn tkellem Bernard Grech għajr biex jattakka lil Gvern.
Grech stqarr: “Bil-ħidma tagħna lkoll dan il-pajjiż ser jerġa’ jkun il-pajjiż li inti tkun u jiena nkun kburi bih.”
Fil-passat Bernard Grech kien spiċċa qal li jistħi jgħid li hu Malti.
Għall-intervista li għamel f’nofs Triq ir-Repubblika fil-Belt, Bernard Grech kellu mistiedna tliet rappreżentanti minn imsieħba soċjali differenti. Dan għalkemm fi żmien il-Budget kien qabbilhom ma’ tfal li ħadu li ried. Dan għaliex rreaġixxew b’mod pożittiv għall-miżuri tal-Budget li din il-ġimgħa l-Grupp parlamentari Nazzjonalista rrifjuta li jitkellem dwarhom fil-Parlament.
Huwa kien qal, “Il-mument li t-tfal ittihom dak li jridu, mela jekk għandi t-tifel jien irid logħba tal-futbol biex jilgħabha fuq il-kompjuter, u ntihielu, dan x’se jagħmel? Se jifraħ. U din hija r-reazzjoni li rajna din il-ġimgħa.”
Il-Ħadd filgħodu Bernard Grech kompla jattakka lill-Gvern għal mod li bih mexa fil-konfront ta’ pandemija li laqtet lid-dinja u għal darb’oħra stqarr illi f’Diċembru li għadda huwa kien diġà jaf li kien ser jolqotna varjant tal-Covid-19.
Bernard Grech sostna: “F’Diċembru meta bdejna nisimgħu fil-bidu ta’ Diċembru li hemm il-varjanti wkoll illi allura kienu qed jipperikolaw illi l-pandemija tkompli tinxtered.”
Madankollu, fi Frar li għadda Grech kien staqsa lill-Gvern għaliex għadu ma tax il-vouchers lin-nies wara li fuq parir tal-awtoritajiet tas-saħħa, il-Gvern ippospona dan il-ħruġ tal-vouchers li l-ewwel rawnd tagħhom taw stimolu ekonomiku qawwi.
Dakinhar Bernard Grech kien qal, “U anki fejn jidħlu propju l-vouchers, il-Gvern jgħidilna eżattament x’inhi r-raġuni għalfejn għadu ma ħariġx il-vouchers, grazzi.”