Attività politika tal-Partit Nazzjonalista kompliet tikxef kif il-Kap attwali Bernard Grech baqa’ ankrat fil-passat.
Dan deher ċar waqt diskors li għamel ftit jiem wara li għamel ir-replika tiegħu għall-Budget li tħabbar għas-sena d-dieħla.
Fil-fatt, il-Ħadd filgħodu, b’rabta ma’ dan, Bernard Grech qal li huwa spjega l-viżjoni tiegħu f’dettall għal Malta.
“Spjegajt fid-dettall anke l-viżjoni li għandna għal pajjiżna.”
Dan minkejja li fid-diskors tiegħu fil-Parlament, li ħa iktar minn sagħtejn, huwa lanqas ħareġ bi proposta waħda.
Dakinhar saħansitra qal li Gvern Laburista ħela l-flus u faqa’ pajjiż.
“Berbqu b’kollox fil-ħela. Dan kien dejn li seta’ ma sarx mill-Gvern biex jixtri l-elezzjoni. Faqgħu pajjiż. Jiddejjen biex jaħli l-flus. Qatt, Mr Speaker, ma konnha f’dan l-istat.”
Fid-diskors tiegħu tal-Ħadd, Bernard Grech qal ukoll li l-anzjani, pensjonanti, u nies vulnerabbli mhumiex komdi jgħixu f’Malta.
Dan minkejja li fl-istess Budget li attakka, il-pensjonanti rċevew is-seba’ żieda fil-pensjonijiet. Dan filwaqt li l-aktar persuni vulnerabbli bbenefikaw mit-tieni mekkaniżmu tal-għoli tal-ħajja.
Dawn il-miżuri kienu possibbli minkejja n-nefqa sinifikanti sabiex il-Gvern iżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli. Nefqa li anke skont il-midja indipendenti u l-isħab soċjali, potenzjalment salvat familji u negozji Maltin u Għawdxin minn diżastru finanzjarju.
Minkejja dan, Bernard Grech għażel li jitkellem dwar dak li għamlu Gvernijiet Nazzjonalisti fil-passat, u qal li l-Gvern preżenti mhux kapaċi jġib tkabbir ekonomiku.
“Għax mhux kapaċi jkabbru s-setturi ekonomiċi li ħloqna aħna, li mexxew lil dal-pajjiż ‘il quddiem f’dawn l-aħħar tletin sena, għax m’humiex kapaċi jkabbru l-ġid tal-pajjiż.”
Din id-dikjarazzjoni tmur lil hinn minn dak li qed jgħidu diversi istituzzjonijiet Ewropej u aġenziji ta’ kreditu internazzjonali u indipendenti.
Fost oħrajn, il-Fond Monitarju Internazzjonali qal, li taħt Gvern Laburista, is-sena d-dieħla l-ekonomija Maltija se tikber b’sitt darbiet iktar mill-medja taż-Żona Ewro.