Bernard Grech qed jirriskja jibgħat messaġġ ta’ business as usual billi ħatar ix-Shadow Cabinet tiegħu qabel ma reġa’ ġie kkonfermat bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Dan kien il-messaġġ ewlieni fl-editorjal tal-gazzetta MaltaToday.
Fil-fatt, l-editur tal-gazzetta jsostni kif dan il-messaġġ huwa wieħed ħażin għall-Partit Nazzjonalista quddiem dak li qallu l-elettorat ftit tal-ġimgħat ilu fl-elezzjoni ġenerali.
Fil-fatt ġie nnutat kif Bernard Grech ħatar Shadow Cabinet meta hu għadu lanqas ikkonfermat bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Hawnhekk l-editorjal jirrimarka kif il-kompożizzjoni tax-Shadow Cabinet tal-Partit Nazzjonalista turi nuqqas ta’ rieda tal-istess partit li jikkonfronta l-problemi eżistenzjali li għandu. Problemi li jmorru lil hinn mill-Kap tal-Partit u n-nies madwaru iżda li jikkonċernaw ukoll in-nuqqas ta’ abbiltà li l-Partit Nazzjonalista jwassal il-messaġġ tiegħu qalb l-elettorat.
Dwar l-għażla tad-deputati fi ħdan ix-shadow cabinet tiegħu, l-editorjal tal-MaltaToday ukoll innotta kuntrasti hekk kif filwaqt li Bernard Grech inkluda għadd ta’ persuni ġodda fi ħdan it-tim tiegħu, huwa xorta waħda baqa’ taħt il-kontroll tal-establishment u l-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil.
Tixhed dan hija d-deċiżjoni li Karol Aquilina, perċimes ewlieni biex Bernard Grech jieħu t-tmun tal-Partit Nazzjonalista u jitqaċċat Adrian Delia, jingħata l-portafoll tal-ġustizzja. Dan filwaqt li Beppe Fenech Adami bir-rabtiet fondi tiegħu u ta’ familtu sa minn żmien is-sebgħinijiet fi ħdan il-Partit Nazzjonalista ukoll jinżamm fix-shadow cabinet.
L-editorjal jinnota wkoll portafolli ġodda li juru nuqqas ta’ ċarezza u li jkomplu mad-dellijiet li ħalla l-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista b’numru kbir ta’ żbalji u miżuri ripetuti.
Fil-fatt, l-editorjal jgħid kif il-portafoll ta’ Charles Azzopardi jinkludi l-inflazzjoni flimkien mal-kaċċa u l-insib. Dan filwaqt li l-portafoll ta’ Ryan Callus tal-infrastruttura huwa simili għall-aħħar għal dak tal-eks Kap Adrian Delia.
Intant minkejja dan, l-editur tal-MaltaToday innota kif Bernard Grech naqas milli jaħtar kelliem għax-xogħol fix-Shadow Cabinet tiegħu. Qasam li jġorr miegħu importanza kbira.