Bernard Grech bidel il-verżjoni tiegħu stess ta’ taħt fuq dwar il-pariri tal-Awtoritajiet tas-Saħħa dwar il-Covid-19.
Is-Sibt li għadda qal li kien favur ir-regoli l-ġodda b’rabta mal-imxija u llum bidel kliemu stess u qed jgħid li r-regoli għandhom jiġu rtirati.
Quddiem dan l-aġir kunflinġenti tal-Oppożizzjoni, il-Partit Laburista nnota li l-Kap tal-Oppożizzjoni huwa perikoluż fuq il-qasam tas-saħħa kif inhu fuq l-ekonomija.
“Dak li jgħid illum jista’ jinbidel l-għada u allura ma jistax jitwemmen”, innota l-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista saħaq li dak li għamel Bernard Grech huwa prova ta’ kif qed jilgħab logħob politiku partiġġjan bil-kwistjoni tal-pandemija.
“Il-kredibbiltà tiegħu din id-darba misset il-qiegħ”, saħaq il-Partit Laburista.
“Bernard Grech idawwar fehmtu bħal qasba tixxejjer mar-riħ f’logħba ta’ populiżmu minflok f’dan il-mument jiffoka biex iħeġġeġ lil kulħadd jieħu l-booster kif qed jagħmlu l-iktar tobba u Professuri prominenti li għandna f’pajjiżna”, saħaq il-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista appella lill-Gvern u lill-Awtoritajiet tas-Saħħa biex jibqgħu jiddjalogaw mal-imsieħba soċjali u fejn meħtieġ ikunu ndirizzati kwistjonijiet ġenwini.
Fl-istess ħin intqal li l-Awtoritajiet għandhom jibqgħu jmexxu l-kampanja ta’ tilqim bil-għan li fi żmien li ġej, il-pajjiż ikompli jirkupra mill-effetti tal-pandemija.
“Iktar man-nies jitlaqqmu, iktar nattakkaw il-virus u nnaqsu r-restrizzjonijiet”, qal il-Partit Laburista li nnota wkoll li l-Gvern dejjem wera li qatt ma kien favur restrizzjonijiet żejda u m’hemmx dubju li anke f’dan il-mument qiegħed jinsisti biex kulħadd jieħu l-vaċċin għax il-vaċċin ta ħajja eqreb lejn in-normalità u bil-booster isiru passi oħra ’l quddiem.