L-avukat Bernard Grech, li qed jissemma ħafna li fil-futur qrib jista’ jieħu f’idejh it-tmun tal-Partit Nazzjonalista beda jdur il-każini.
Matul il-jum tal-Ħadd Bernard Grech beda jżur il-każini Nazzjonalista u mar fil-każin Nazzjonalista tal-Imġarr.
Grech, li jkun mistieden fuq ix-xandir biex ikun ta’ feles għall-Partit Nazzjonalista u jimbotta lilu nnifsu bħala s-salvazzjoni tal-partit tal-maduma, tella’ anki ritratti fuq il-profil tiegħu fuq facebook biex juri x’qed jagħmel.
Sorsi fid-Dar Ċentrali li tkellmu magħna qalu li din il-mossa xejn ma għoġbot lin-nies ta’ Delia li interpretawha bħala waħda li fiha ħafna x’tifhem u li Bernard Grech diġà qed joħroġ għan-nofs lil Delia.
Dawn l-istess nies qrieb Delia nstemgħu jgħidu li Grech beda jiltaqa’ mat-tesserati u l-partitarji sabiex jikkontesta għal Kap Nazzjonalista.
Minkejja li bħalissa Adrian Delia huwa l-Kap u sa sena ilu kien igawdi l-fiduċja mill-kunsillera, issa li ġie sfiduċjat tliet darbiet, id-deputati ribelli qed jippruvaw iwasslu sabiex issir elezzjoni għal Kap Nazzjonalista.
Sorsi fid-Dar Ċentrali qalulna li jidher li Bernard Grech beda baxx baxx bil-kampanja tiegħu billi jibda jżur l-każini, sabiex jekk ikun hemm elezzjoni għal Kap, dan jibdew isiru jafuh it-tesserati u jipprova jegħleb lil Adrian Delia.
Dawk qrib l-Kap Nazzjonalista qalulna li mhux eskluż li Bernard Grech huwa persuna imbuttata mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil sabiex jieħu post Adrian Delia.
Fil-fatt nhar il-Ġimgħa waqt li d-deputat nazzjonalista Jason Azzopardi beda jagħmel il-mistoqsijiet waqt l-inkjesta pubblika b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Bernard Grech għamel xi ħin fl-awla jisma’ lil Jason Azzopardi.
Il-mossa li għamel il-Ħadd Bernard Grech kompliet toħloq aktar rabja fin-nies ta’ Adrian Delia, irrabjati li hemm nies li qed jagħmluha daqshekk ovvja li jridu jieħdu post il-Kap.
“Mhux biżżejjed hemm Comodini Cachia li tridha ta’ Kap tal-Oppożizzjoni, issa qam dan”, qalilna l-istess sors tagħna fid-Dar Ċentrali.