Bernard Grech spiċċa jgħid li ser ikun qed jitlob ir-riżenja tal-Ispeaker jekk dan ma jiddeċidix ir-‘rulings’ favurih.
Bħal wieħed li jekk ma jsirx kif jgħid hu, iħassar, Bernard Grech reħilha jhedded barra l-Parlament li jekk l-Ispeaker ma jiddeċidix favurih, dan ser ikollu jirriżenja, biex b’hekk ipprova jippreġudika d-deċiżjonijiet tas-Sedja.
Qal, “L-Ispeaker ikollu jirriżenja jekk u nibdew nitolbu t-talba biex jirriżenja jekk huwa jibqa’ bl-imġieba tiegħu anke kull ruling illi jagħti imur dejjem jekk jiffavorixxi lill-Gvern tal-ġurnata.”
Bernard Grech qal dan mal-ġurnalisti meta ħareġ biex jagħmel preżenza wara diskussjoni fil-Parlament fuq mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni b’attakk fuq l-Ispeaker.
Mozzjoni li ġiet diskussa wara li d-Deputy Speaker Claudette Buttigieg dehrilha li kienet urġenti, anki jekk fil-fatt riedet tipposponi d-dibattitu.
Barra l-Parlament kien hemm attivisti ta’ Repubblika u nies bħal Lawrence Gonzi, Kevin Cassar u George Pullicino u għalhekk Grech ried jidher li jogħġob lil dawn ukoll.
Fil-fatt sorsi qrib id-Dar Ċentrali qalu ma’ ONE News kif wara l-ftuħ tal-kanuni fuq l-Ispeaker hemm l-establishment Nazzjonalista, li kif mexa fil-konfront ta’ istituzzjonijiet oħra, issa qed idur kontra l-Ispeaker għaliex ħa deċiżjonijiet li ma daqqewx id-diska tagħhom.
Dan anki jekk fil-fatt hemm 35 ruling li l-Ispeaker iddeċieda bil-ħaqq favur l-Oppożizzjoni.
Bernard Grech qed ikun imġiegħel jipprova jnaqqar mill-fiduċja li jgawdi l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia.
Dan filwaqt li ironikament survey wara l-ieħor qed juru li huwa Grech stess li ma jgawdix mill-fiduċja tal-poplu.
Iżda għal dan, Bernard Grech ukoll iwaħħal fil-Gvern u mat-Times l-għada tal-pubblikazzjoni ta’ stħarriġ ieħor, qal li l-Gvern qed jixtri l-voti.
Qal, “Id-dejn straordinarju li qed jagħmel biex anke jkun jista’ jkompli jixtri l-voti.”
Din id-dikjarazzjoni saret fid-dawl li l-għajta biex Bernard Grech jerfa’ r-responsabbilità ta’ dawn ir-riżultati dejjem qed tikber.
Fil-fatt l-akkademiku Mario Thomas Vassallo saħansitra appella lid-deputati tal-Blue Heroes, li qalftu ’l barra lil Delia, biex isabbtu saqajhom u jagħmlu l-istess lil Grech.