Bernard Grech kompla jħaddan l-ankri li qed iwaħħlu l-Partit fil-passat.
F’attività politika fil-Mellieħa din id-darba kien imiss lill-eks Ministru Nazzjonalista Ċensu Galea biex ikun preżenti biswit il-Kap wara li f’San Ġiljan kien imdawwar b’Louis Galea u Francis Zammit Dimech.
Kollha nies prominenti mill-passat tal-Partit Nazzjonalista u li għadhom imdaħħla sew fit-tmexxija preżenti tal-istess partit.
F’diskors nieqes mill-viżjoni Bernard Grech kontinwament baqa’ jfakkar fil-passat tal-Partit Nazzjonalista.
Qal, “U llum 25 sena wara, 20 sena wara għadna qed naqtgħu l-frott tagħha. Ġibna, bdejna għax emminna fis-sittinijiet. Għamilniha din meta konna fil-passat.U tħallu lil ħadd ibeżżgħakom milli tkunu kburin mill-passat ta’ dan il-partit.”
Fi żmien fejn Bernard Grech qabad iwiegħed kollox lil kulħadd bi proposti populisti, Bernard Grech malajr kien ser jifrex wiċċu minn wara l-maskla u kien ser jgħid li l-proposti qed jagħmilhom b’konvenjenza.
Qal, “U din m’hijiex konvinzjoni imma hija k.. M’hijiex konvenjenza imma hija konvinzjoni.”
Bernard Grech stqarr ukoll li huwa minn dejjem kien jitkellem mal-bdiewa għaliex dawn kienu jtuh il-ħaxix b’xejn.
Qal, “Kelli ħafna klijenti bdiewa… u kienu jġibuli l-ħaxix.”
F’diskorsu huwa saħansitra spiċċa jqabbel il-Partit Nazzjonalista mat-tlajja’ li hemm fil-Mellieħa.
Hawnhekk saħansitra spiċċa jivvinta l-aġġettivi għall-veduta li toffri l-pjazza tal-Mellieħa.
Qal, “Biex titla’ f’din il-pjazza majestuża trid titla’ bil-fors minn telgħa.. imma meta tasal aw tara mhux biss is-santwarju imma tara l-veduta … il-veduta artistika, pittorestika – pittoreska li għandna propju l-Mellieħa.”
Wara li fil-passat Bernard Grech qabbel lilu nnifsu ma Rocky u ma’ gladjatur spiċċa jindirizza mara u qal li jispera li ma toqgħod tissendikah meta kien imur bil-karavan.
Qal, “Min jaf kemm imorru eh qrib hawn Għajn Tuffieħa, fl-istess distrett imma anke l-Mellieħa ġieli ġejna biex ingawdu.. tiġi hux tarani qaltli? Nispera li tarani u mhux tissendikani.”
Kuntent u paxxut bid-diskors li għamel fil-Mellieħa huwa spiċċa jgħid li jifhem jekk in-nies jfaħħruh u jgħidu “kemm jaf jitkellem.”
Qal, “U aw min forsi ser jgħid, kemm hu diskors sabiħ dan. Kemm jaf jitkellem.”