Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ma kkundannax il-vot u l-aġir tal-Ewroparlamentari Nazzjonalisti Roberta Metsola u David Casa kontra riżoluzzjoni dwar is-saltna tad-dritt fil-Bulgarija. F’dan il-pajjiż ilhom għaddejjin protesti għal 3 xhur sħaħ kontra il-Gvern immexxi minn Boyko Borissov li anke qed jiġi investigat dwar ħasil ta’ flus fi Spanja.
Wara laqgħa li kellu mal-Arċisqof Charles Scicluna fil-Kurja tal-Furjana, lil Bernard Grech staqsejnih għalfejn l-Ewroparlametnari Nazzjonalisti jużaw is-saltna tad-dritt biex tissawwat Malta biss. Dan filwaqt li mal-Bulgarija l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola benġlietha u ħaditha kontra d-dimonstranti li qed jipprotestaw kontra l-korruzzjoni fil-pajjiż.
Għal dan kollu Bernard Grech qalilna hekk.
“Dr Grech tikkundanna l-vot tal-Ewroparlamentari Nazzjonalisti Roberta Metsola u David Casa fil-Parlament Ewropew? Jiena nitkellem ma’ Roberta u David sabiex ikomplu jaħdmu.”
Metsola tinsab f’nofs kontroversja mal-poplu Bulgaru wara li resqet diversi emendi bil-għan li ttaffi mill-qawwa tad-diskors użat fir-riżoluzzjoni fil-konfront tal-Bulgarija.
Fil-fatt, b’dawn l-emendi, Metsola ppruvat tneħħi mir-riżoluzzjoni referenza għal mod kif fil-Bulgarija ddeterjorat is-saltna tad-dritt, id-demokrazija inkluż l-indipendenza tal-qrati, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-libertà tal-midja.
Anki l-PN fi stqarrija kritika din ir-riżoluzzjoni favur il-poplu Bulgaru u qal li din inkitbet f’temp ta’ ftit sigħat u diversi żbalji.
Metsola anke kienet ressqet emenda li tgħid li d-dimostranti li qed jipprotestaw fuq korruzzjoni huma ffinanzjati mill-mafja. Din l-emenda ġiet irtirata wara li Metsola kienet se taffaċja proċeduri legali.
Il-Bulgarija qed tiġi akkużata b’allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni, użu ta’ kliem ta’ mibegħda fil-konfront ta’ minoranzi bħall-membri tal-komunità LGBTI u nisa fost oħrajn.
Intant, dan l-istazzjon kien żvela kif Metsola mblukkat ċittadini Bulgari fuq il-mezzi tal-midja soċjali tagħha u li l-azzjonijiet tagħha kontra n-nies tal-Bulgarija ġew irrappurtati bi prominenza mill-midja Bulgara.