Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista ħa pożizzjoni dwar il-white paper għad-dekriminalizazzjoni tal-użu rikreattiv tal-kannabis. Dan għalkemm fil-konsultazzjoni pubblika l-Partit Nazzjonalista baqa’ ma ħax sehem u ma ppreżentax l-ideat tiegħu.
Filwaqt li qal li l-partit Nazzjonalista għandu pożizzjoni ċara, Bernard Grech qal li għalkemm ma ħax sehem fil-konsultazzjoni pubblika l-Partit Nazzjonalista għamel konsultazzjoni oħra hu dwar is-suġġett u li din għadha għaddejja.
Il-ġurnalist staqsa lil Grech, “Il-Partit Nazzjonalista ħa pożizzjoni dwar il-whitepaper tal-Kannabis?”
Grech wieġeb, “Iva, il-Partit Nazzjonalista ħa pożizzjoni responsabbli ħafna dwar din il-white paper.”
L-indeċiżjoni ta’ Bernard Grech fuq il-liġi tal-kannabis ħarġet ukoll fuq l-istazzjon nazzjonali meta d-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg nqabdet fuq sieq waħda meta kienet mistoqsija għad-dokument tal-Partit Nazzjonalista dwar il-fehmiet tiegħu għall-White Paper li ħareġ il-Gvern.
Il-kandidat Laburista Jonathan Attard staqsa lil Buttigieg,”Fejn hu d-dokument tagħkom?” u Buttigieg wieġbet, “Mhux kwistjoni, issa d-dokumenti, tinkwetax, mela noħorġu dokumenti.”
Fl-istess intervista, Bernard Grech li kien diġa qal li ż-żgħażagħ qed ikunu aljenati bil-kannabis, issa qal li ż-żgħażagħ jagħmlu l-ħmerijiet. Huwa kompla jgħid kif iż-żgħażagħ kollha jagħmlu l-ħmerijiet bħal jipparkjaw ħażin u jgħajtu fil-pubbliku.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal, “Jiena kont żagħżugħ u bħal kull żagħżugħ ieħor, f’ħajti għamilt ħafna ħmerijiet. Jiġifieri jiena wkoll għamilt affarijiet f’ħajti li mhux suppost għamilthom, ipparkjajt il-karozza ħażin. Min jaf kemm il-darba forsi kont anke f’postijiet pubbliċi u forsi għajjat u forsi għamilna affarijiet kif jagħmlu ż-żgħażagħ kollha.”
Meta mistoqsi dwar is-suċċessi ekonomiċi li għamel pajjiżna fl-aħħar snin wara li Gvern Laburista wiret pajjiż li kien fi proċedura ta’ deficit eċċessiv, Bernard Grech qal li l-Partit Laburista sab is-suċċess lest ta’ Gvern Nazzjonalista.
Grech qal, “Il-Partit Nazzjonalista fil-passat dejjem kien dak il-partit illi ta l-opportunitá u anke ħoloq l-ambjent mhux biss setturi varji biex l-investitur, biex in-negozjant ikun jista’ jikber. Il-Partit Laburista kompla fuq dak is-suċċess.”