Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-ħażin li għandu l-Partit Nazzjonalista, fosthom il-problemi finanzjarji wirithom minn ta’ qablu.
Grech kien qed jiġi intervistat minn għadd ta’ ġurnalisti fuq temi varji, fosthom il-qagħda finanzjarja mwegħra tal-Partit Nazzjonalista, li dawwarha fuq ta’ qablu.
“Hija problema li jiena writ u li ilha għaddejja ħafna u ħafna snin.”
Bernard Grech – Kap tal-PN
Madanakollu hu fatt li taħt it-tmexxija tiegħu, il-Partit Nazzjonalista ma ppubblikax l-kontijiet finanzjarji tiegħu, għajr għall-2020.
Matul din l-intervista, Grech ma pprovax biss jaħrab mir-responsabbiltà tiegħu dwar il-finanzi tal-Partit billi jwaħħal fuq ta’ qablu biss, iżda tefa’ t-tort fuq l-awditur ukoll.
“Bħala Partit għamilna dak kollu li huwa meħtieġ kif indikajt u kif indika l-istess awditur. Issa huwa hu li jrid ikompli l-proċess.”
Bernard Grech – Kap tal-PN
Grech għażel li jattakka wkoll il-miżura ta’ mija u erbgħin miljun ewro fi tnaqqis fit-taxxa tad-dħul.
“It-twessigħ tat-tax brackets lillek għinek jew għadek fl-istess post?”
Bernard Grech – Kap tal-PN
Meta mbagħad kien mistoqsi għaliex mar għat-tqegħid tal-ewwel ġebla tal-proġett tal-grupp DB f’Pembroke, wara li vvotaw kontrih. Grech ikkonferma d-double standards tiegħu hekk kif qal li m’għandux jibbojkottja proġetti li jidher li l-partit għandu jibbojkottja.
“Minkejja illi dak il-proġett ivvotajna kontrih, il-fatt li imbagħad għadda mill-proċess kollu ma nistgħux noqgħodu nibbojkottjaw aħna proġett għaliex jidhrhilna li għandna nibbojkottjawh.”
Bernard Grech – Kap tal-PN