Fiż-Żurrieq quddiem il-partitarji Nazzjonalisti, Bernard Grech qal li wasal iż-żmien li jiggverna.
B’diskors ankrat f’politika antikwata bħal Gvernijiet Nazzjonalisti sinonimi mal-kilba għas-siġġu tal-poter Bernard Grech spiċċa jtenni li wasal iż-żmien li jsir Prim Ministru.
Grech qal, “Wasal iż-żmien li nerġgħu niggvernaw.”
F’diskors negattiv, iebes u aggressiv, ikkonferma li jiddejjaq meta l-ġurnalisti jistaqsuh għad-dettalji dwar il-wegħdiet tiegħu.
Hu qal, “Kull darba li jiġu bil-mikrofonu l-unika ħaġa li jagħmlu hija jippruvaw imaqdru l-proposti. U kif ħa tagħmel din? U min fejn se ssib din? U kif se tħallas għal din? U din kif se jirnexxilna nagħmluha? Serrħu raskom meta nagħtikom kelma, dik il-kelma jien inżommha.”
Liż-żgħażagħ ukoll wegħdhom li jżidilhom l-istipendju jekk jagħmlu l-volontarjat iżda hawnhekk ukoll ikkonferma li ma jafx minn fejn ħa jġib il-flus u li għalhekk il-wegħda mhix waħda costed.
Irrimarka, “Inżidulek l-istipendju nagħmlu l-parti tagħna, naraw kif insibu l-flus.”
Fl-istess ġimgħa li tenna li jħobb jiltaqa’ mal-bdiewa għaliex ituh il-ħxejjex b’xejn issa qal li jmur fir-raba biex ixomm il-frott.
Grech qal, “Ninżlu fir-raba’ magħhom, imorru qalb l-għelieqi, inxommu l-frott.”
Fid-diskors tiegħu huwa rrakkonta wkoll dak li qal lil żagħżugħ li talbu jispjegawlu s-settur tal-Esports.
Filwaqt li dan is-settur diġà jeżisti f’pajjiżna u Bernard Grech qed iwiegħed li ser joħolqu bħala settur ġdid, għal darba oħra kkonferma li ma jafx x’inhu s-settur.
Dan hekk kif it-tweġiba li ta liż-żagħżugħ ukoll kienet kastell fl-arja.
Qal, “Wieħed minnhom beda jgħidli, għidli aktar, għidli aktar. Qalli għax jiena ġġennint, qalli għidli aktar speċjalment fuq din tal-E-Sports. Għidltu se nkunu qegħdin nibnulek kastell illi fuqu int tista’ titla’ u minnu inti twettaq il-ħolm ta’ ħajtek.”
Għalkemm Bernard Grech spiċċa iwiegħed biss kastelli fl-arja huwa reħielha jipprova jbeżża’ n-nies b’diskors negattiv u skontu bi Gvern Laburista ġdid ikun hawn il-baħħ.
“Flok dak il-kastell, taf xi jkollok? Il-baħħ”, Qal Grech.
ARA WKOLL: