Wara li fiż-żewġ surveys, ir-riżultati taw prattikament l-istess riżultat, b’wieħed minnhom naqqas u l-ieħor marġinalment żied f’wieħed mill-agħar surveys għalih, Bernard Grech qal li hemm titjib.
Il-Ħadd filgħodu, f’kollegament telefoniku fuq l-sitazzjon tiegħu mbagħad qal li qed jilgħab fuq ground diżlivellat: “Il-messaġġ jasal għand il-poplu, pero jasal għand il-poplu meta jkollna kif diġà għidtlek, il-level playing field.”
Din id-dikjarazzjoni hija sinonima ma’ dak li kien stqarr l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil wara l-elezzjoni tal-2017.
Meta Busuttil kien stqarr: “Mhux bil-fair, jiġifieri din ma kinitx elezzjoni bil-fair. Ma kinitx level. Qisek inti qed toħroġ tilgħab tim tal-futbol kontra tim ieħor u għandhom ir-referee magħhom u għandek il-pitch flok qiegħed ċatt, in-naħa tagħna għat-tela’.”
Il-Ħadd, Bernard Grech qal li huwa l-obbligu tan-nies li jxerrdu l-messaġġ tiegħu: “Il-messaġġ tiegħi lilkom huwa dan… intkom għandkom l-obbligu li tkomplu tmexxu l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista.”
Din id-dikjarazzjoni ukoll tixbaħ ħafna lill-appell li kien għamel Simon Busuttil fi żmien meta l-Partit Nazzjonalista kien għadu fil-Gvern u hu kien Viċi Kap tal-Partit wara Gonzi. Huwa kien stqarr: “Minn għada meta tmorru għand tal-grocer u tisimgħu lil min jgħid kontra l-Gvern qumu u tkellmu u tħallux aktar lil min jitkellem kontra l-Gvern u intkom iżżommu ħalqkom magħluq. Minn għada meta tkun mal-ħbieb u tisimgħu lil min jikkritika lil dik u jikritika lil oħra, tkellmu. Għidu x’għamel il-Gvern għalikom.”