Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kompla jikkonferma l-ġlied u l-intriċċi fil-Partit Nazzjonalista hekk kif issa ta x’jifhem li se jkun ta’ tarka għall-eks Kap tas-Segretarjat tiegħu Ray Bezzina quddiem l-allegazzjonijiet li għamel inhar il-Ġimgħa l-kandidat Nazzjonalista u-Sindku Nazzjonalista ta’ San Ġiljan, Albert Buttigieg.
Bernard Grech għamel dan waqt kollegament telefoniku fuq l-istazzjon televiżiv tal-Partit Nazzjonalista, Net TV, il-Ħadd filgħodu, wara li l-Ġimgħa ħarġu l-allegazzjonijiet ta’ Buttigieg fil-pubbliku.
Mingħajr ma’ semma ismijiet, iżda evidentement b’referenza ċara għal Albert Buttigieg, Bernard Grech qal hekk.
Qal, “Inti ma jistax jkollok intenzjoni tajba li tmur fil-pubbliku u tattakka u tipprova tkisser lill-Partit meta inti taf li għandek strutturi fil-Partit li għandna nużawhom biex intejbu dawk l-affarijiet li ma jkunux sejrin tajjeb.”
Meta semma l-istrutturi tal-Partit, Bernard Grech kixef ir-referenza ċara għat-talba li għamel Ray Bezzina biex l-allegazzjonijiet ta’ Albert Buttigieg jiġu investigati mill-Kummissjoni Etika u Dixxiplina tal-Partit Nazzjonalista.
Dan wara li Bezzina sostna li t-terminu ta’ ‘unelected official’ li jsemmi Buttigieg huwa referenza ċara għalih.
Kien hawn li Bernard Grech kompla jispara lejn dawk li tkellmu dwar l-għawġ tagħhom fil-Partit Nazzjonalista.
Qal, “Ikun hemm individwi li jużaw lill-Partit Nazzjonalista bħala tapit.”
Il-Ġimgħa, Albert Buttigieg allega li sar jaf li, qabel l-elezzjoni li għaddiet, xi ħadd għoli ħafna fil-Partit Nazzjonalista ltaqa’ ma’ kuntrattur kbir b’interessi kummerċjali u fil-kostruzzjoni f’San Ġiljan u tah il-kelma li kien se jagħlaq ħalq Buttigieg, li min-naħa tiegħu kien qed jitkellem kontra ċerti proġetti fil-lokalità tiegħu.
Intant, tul l-intervista telefonika, Bernard Grech kompla bil-kampanja tiegħu biex jikseb vot b’saħħtu mal-Kunsilliera Nazzjonalisti ftit tal-jiem oħra meta se jtellaq waħdu għall-kariga ta’ Kap.
Huwa uża kliem taz-zokkor immirat lejn il-Kunsilliera u qal li l-pjan tal-Partit Nazzjonalista se jkun ibbażat fuq dak li jaħsbu huma.
Qal, “Il-pjan tiegħu huwa bbażat fuq dak li qed jaħsbu l-kunsilliera, u kollha jridu d-deċiżjonijiet.”
Intant, Bernard Grech baqa’ ma refa’ xejn mir-responsabbiltà għall-aħħar telfa tal-Partit Nazzjonalista fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali.
Minflok, reġa’ semma li rnexxielu jagħmel ħafna titjib u pponta s-subgħa tal-akkuża lejn dak li wiret mingħand ta’ qablu, jiġifieri l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Qal, “Meta jien sirt Kap, fl-2020, kulħadd jaf x’diffikultajiet kien hemm. Irnexxieli, u rnexxielna, jiena ngħid, nagħmlu ħafna titjib.”