Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech reġa’ nqabad jigdeb b’mod sfaċċat dwar l-obbligi tal-Partit Nazzjonalista b’rabta mal-liġi tal-finanzjament tal-Partiti.
Dan waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ġimgħa filgħodu, fejn propju ġie mistoqsi għaliex il-Partit immexxi minnu, għadu qed jikser din il-liġi u ma jippubblikax il-kontijiet awditjati u rapporti ta’ donazzjonijiet għall-aħħar sentejn fuq is-sit tal-Kummissjoni Elettorali.
Iżda kien hawn li l-Kap Nazzjonalista għal darb’oħra inqabad jigdeb. Fil-fatt, qal li qed josserva l-liġi, fl-istess waqt li qed jiksirha.
“Filwaqt li iva aħna nkomplu nsegwu l-liġi.”
Konferma ta’ din il-gidba hija titwila lejn is-sit tal-Kummissjoni Elettorali fejn hemmhekk għall-aħħar sentejn wieħed isib li l-Partit Nazzjonalista baqa’ ma’ ppubblikax dawn l-obbligi.
Fil-fatt, kemm għall-2021 u anke għall-2022, il-kontijiet awditjati u rapporti ta’ donazzjonijiet huma nieqsa, b’partit oħra kollha jżommu mal-obbligi tagħhom.
Din mhux l-ewwel darba li l-Kap Nazzjonalista kellu jigdeb dwar dan is-suġġett.
Lura f’Settembru Grech kien sostna li l-Partit Nazzjonalista kien ippubblika l-obbligi imsemmija.
Ġurnalista: “Xi trasparenza hi? Inti tgħid ħafna fuq it-trasparenza.
Bernard Grech: “Ġew ippubblikati, ġew ippubblikati.”
Ġurnalista: “Tal-2021 ukoll? Tal-2022? Mhumiex ta.”
Iżda dan ma kienx minnu tant li ftit ġimgħat wara, kien hu stess li kkonferma l-gidba tiegħu filwaqt li farfar ir-responsabbiltà minn fuqu u waħħel fil-ħaddiema tad-Dar Ċentrali.
“Fil-ġimgħat u fix-xhur li ġejjin se nkunu qed nippreżentaw l-istess accounts…Dan ma sarx biss minħabba personnel meħtieġ.”
Għaddew, il-ġimgħat u x-xhur, saħansitra bdiet sena ġdida, iżda l-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech minkejja li jippriedka ħafna fuq il-korrettezza politika, baqa’ ma żammx mal-obbligi tiegħu.