Wara jiem b’Bernard Grech jaqa’ fil-muta jew jagħmel il-u-turns kif nistaqsuh dwar il-costings u d-dettalji dwar il-wegħdiet tiegħu, issa ħareġ jgħid li l-Partit Nazzjonalista qed juri kif ser iwettaq.
Dan sostnieh f’attività politika f’Ħal Qormi fl-istess jum li fih qamet diskussjoni sħiħa dwar wegħda fil-manifest Nazzjonalista li kif miktuba ser tħott ir-riforma tal-kirjiet ta’ qabel l-1995.
Qal, “Illum qegħdin taraw b’għajnejkom. Partit Nazzjonalista trasformat li mhux biss jaf x’irid jagħmel imma qed jurikom kif ser iwettaq.”
Għat-taħwid tiegħu fil-wegħdi bla costings, Bernard attakka lill-Partit Laburista u l-ġurnalisti li qed jistaqsuh u jinnutaw it-tgerfix tiegħu.
Qal, “Il-ħin kollu jaraw x’jivvintaw biex jippruvaw jispinjaw dak li qiegħdin ngħidu.”
Fid-diskors tiegħu huwa spiċċa jgħid li qed iħossu qed itellaq waħdu.
Qal, “Meta jkollok lil xi ħadd jgħidlek ejja ntelqu imbgħad għadu lanqas sab iż-żarbun biex itellaq.”
F’diskors li għamlet il-kandidata Alessia Psaila Zammit fl-istess attività politika dehru għadhom evidenti l-effetti tal-firda fil-partit ta’ Bernard Grech.
Qalet, “Jiena dejjem kont persuna tal-lealtà fil-Partit Nazzjonalista. Kellem żejda barra ma ngħidiex. Dak li għandu jinbidel għandna d-Dar Ċentrali fejn nitkellmu u dejjem tkellimt.”
Bernard Grech li fil-Mellieħa kien stqarr li jieħu gost jiltaqa’ mal-bdiewa għax ituħ il-ħxejjex b’xejn, issa spiċċa jappella lill-bdiewa jattendu l-attivitajiet biex iħossilhom idejhom.
Qal, “Nistieden il-bdiewa, jiġu fil-lokalitajiet fil-meeting, ħa nħoss idejkom.”
Huwa temm id-diskors tiegħu jappella b’saħħa lill-elettorat biex jivvutawlu.
Dan tant li spiċċa jgħid li b’vot lil Partit Nazzjonalista jista’ jfisser li fil-futur tfejjaq lil xi ħadd marid, l-istess bħal meta l-partit tiegħu ftit tal-jiem ilu qal li Malta hija marida.
Qal, “Int bil-vot tiegħek, int flimkien mal-vot tiegħek, flimkien mal-maġġoranza ta’ dan il-pajjiż tista’ tfejjaq lil xi ħadd fil-futur għaliex tkun qed tatih l-opportunità li jinħolqu allura soluzzjonijiet ġodda mediċi.”