Jekk id-donazzjoni ta’ nofs miljun ewro ppreżentata minn Adrian Delia lid-Dar tal-Providenza kompliet twessa’ l-konsenturi fil-Partit Nazzjonalista, din kompliet toħroġ ukoll fid-deher in-nuqqas ta’ awtorità li Bernard Grech għandu fuq il-Partit Nazzjonalista u fuq il-grupp parlamentari tiegħu.
Dan hekk kif kelliem għall-Partit Nazzjonalista ġie kkwotat mill-‘Malta independent’, jgħid li Bernard Grech inżamm fl-għama dwar id-donazzjoni ta’ nofs miljun ewro li kien ser jippreżenta Adrian Delia u sar jaf biss mill-midja wara li Delia ppreżenta d-donazzjoni.
Il-kelliem għall-Partit Nazzjonalista kompla jgħid mal-independent li Bernard Grech huwa kontra l-ippolitiċizzar ta’ dawn l-attivitajiet. Saħansitra, huwa kompla jispjega li wara Bernard Grech talab spjegazzjoni mingħand il-predeċessur tiegħu, madankollu Delia ma tahx sodisfazzjon u quddiem dak li ħadlu postu fit-tmexxija reġa’ tenna dak li kien ilu jgħid pubblikament.
F’jum l-ewwel tas-sena, din id-donazzjoni kienet bħal daqqa fuq feles bejn il-fazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista hekk kif reġgħet fetħet beraħ il-qasma perpetwa li hemm fil-Partit Nazzjonalista.
Id-donazzjoni ta’ nofs miljun ewro li l-eks kap Nazzjonalista ppreżenta f’isem ‘Catco Group Capital Investment’ kienet wasslet biex esponenti miż-żewġ naħat kitbu fuq il-midja soċjali u attakkaw apertament lil xulxin. Madankollu, kienet ir-rivelazzjoni li ċ-Chairman tal-kumpanija ħaseb li Delia kien imexxi d-Dar tal-Providenza li qajmet l-irwiefen kollha.
Fost dawk li attakka lil Delia direttament kien hemm l-eks Chief of Staff ta’ Austin Gatt u esponent ewlieni tal-establishment Nazzjonalista, Manuel Delia, li f’artiklu fuq il-blog tiegħu ddeskriva lil Adrian Delia bl-iktar mod ikkulurit.
Huwa rrefera għal Delia bħala politikant tossiku, li jgħaġġel u li b’mod mhux ġustifikat huwa assigurat minnu nnifsu. Huwa kompla jiddeskrivih bħala bniedem iddisprat li jibqa’ mqabbad ma’ eżistenza li jħossu intitolat għaliha.
Dan filwaqt li kien staqsa, “X’seta’ qal Adrian Delia lill-kumpanija biex ħasbu li kien huwa li jmexxi d-Dar tal-Providenza?”