Bernard Grech kompla jibgħat messaġġ li l-Partit Nazzjonalista qed iħares lejn l-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju li ġej bħala ċans biex jieħu l-poter f’idejh.
Fil-Munxar qal li n-nies iriduh ikun Prim Ministru u allura Gvern Nazzjonalista.
Qal, “In-nies qed jgħidulna li jridu Gvern Nazzjonalista.”
Fil-Munxar kompla jidher biċ-ċar kif il-Partit Nazzjonalista qiegħed idur żugraga fuq diversi temi, fejn qiegħed jitkellem b’modi differenti man-nies differenti skont kif jaqbillu, din id-darba fuq il-privatizzazzjoni tal-Gozo Channel
Propju fuq hekk, il-kandidat Nazzjonalista Peter Agius giddeb dak li kiteb hu stess fuq it-Times meta l-ewwel qal li għandu pożizzjoni favur il-privatizzazzjoni tal-kumpanija Gozo Channel u issa jrid jgħid mod ieħor.
Qal, “Gidbu fuqi, qalu Peter jrid jiprivatizzah il-Gozo Channel.”
Fit-Times, Peter Agius kien qal li hemm bżonn tmexxija ġdida tal-Gozo Channel, waħda li mhiex ikkontrollata mill-Gvern, li jfisser li allura jrid jipprivatizza l-kumpanija.
Argument li l-Partit Nazzjonalista l-ewwel kien ħareġ kontrih tant li d-Deputati Alex Borg u Ivan Castillo kienu għamlu konferenza tal-aħbarijiet jesprimu ħsieb kontra dak li wara kiteb Agius.
Fil-Munxar, il-Partit ta’ Bernard Grech kompla bl-istess tattiċi immuntati mill-establishment dwar l-elezzjonijiet.
Qal, “Qed nirċivu ċekk biex jixtrilna vot.”
Intant fl-istess attivita, il-Partit Nazzjonalista sellem lill-eks Ministru Nazzjonalista ta’ żmien GonziPN, Giovanna Debono. Dan filwaqt li sellmu ukoll lill-Membri Parlamentari Nazzjonalisti Għawdxin Alex Borg u Chris Said.
Intant għajr David Agius, li hu kandidat, ma kien hemm l-ebda Deputat Nazzjonalista, lanqas dawk eletti fuq Għawdex, b’Alex Borg ma jidhirx b’nemes fl-attività ta’ Bernard Grech u Chris Said lebbet ’l hemm hekk kif Grech wasal fil-Munxar.