‘Min mhux kapaċi m’għandu qatt jasal daqs ħaddieħor.’ Dan qalu l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech f’intervista fuq l-istazzjon tiegħu l-Ħadd filgħodu. Għalkemm fl-aħħar snin rajna sforzi kbar f’pajjiżna sabiex kulħadd jingħata opportunità ugwali biex jagħmel suċċess, għal Bernard Grech mhux kulħadd ħaqqu l-għajnuna biex jasal.
Fl-istess intervista li fih għamel dan id-diskors sinonimu ħafna ma’ ħsibijiet elitisti fejn min hu l-aqwa iħawwel u ħaddieħor jitħalla l-art, Bernard Grech qal li għadu mhux jikkonvinċi lin-nies li l-Partit Nazzjonalista qed jinbidel. Huwa spiċċa jwaħħal fil-limitazzjonijiet tax-xandir u tal-midja u qal li mhux jirnexxielu jwassal il-messaġġ bihom.
Wara li fil-jiem li għaddew kien tenna li ser ikollu jagħmel deċiżjonijiet diffiċli u jneħħi ċertu uċuħ antiki fil-partit issa reġa’ għamel pass lura u stqarr li l-bidla li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista mhux fid-dehra.
Ironikament fl-istess intervista huwa kien mistoqsi jekk jaħsibx li rnexxielu jasal għal dak li wiegħed qabel sar Kap, jiġifieri li l-Partit ‘jingħaqad, jirnexxi u jiġġedded’. Bil-ġlieda tad-deputati Adrian Delia u Jason Azzopardi friska fl-imħuħ u bl-ammissjoni tiegħu stess li l-partit li jmexxi lanqas mid-dehra mhu qed iġeddu, huwa spiċċa qal li s’issa irnexxielu jwettaq biss parti mill-wegħda. Liema parti Bernard Grech baqa’ ma qaliex.