“Meta tkun Kap, inti ma tingħatax ebda mandat għal ħames snin”
Dan kien il-kliem li għażel juża l-kandidat tal-establishment tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech b’tentattiv li joqros liż-żiemel ta’ kontrih, Adrian Delia.
Bernard Grech qal dan f’intervista fuq ir-radju tal-Knisja mal-Professur Andrew Azzopardi, fl-isfond ta’ taqtiegħa mill-aktar taħraq fl-elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
“Meta tkun Kap inti ma tingħatax ebda mandat għal 5 snin.”
Il-botti ta’ Grech ma waqfux hemm.
Saħaq li taħt it-tmexxija tiegħu ma jkunx hemm deputati li jmorru kontrih u għall-kuntrarju ta’ Delia, jlaqqa’ b’mod iktar regolari, il-Grupp Parlamentari.
“Jekk inkun minfloku lanqas ħa jkun hemm issues bħal dawn. Żgur li nlaqqa’ l-grupp parlamentari b’mod regolari u ma nħalliħx xahrejn jew 3 xhur ma jiltaqax.”
Nibex lil Delia wkoll bl-istess skuża tal-establishment li permezz tagħha għal darba wara oħra pruvaw iqaċċtuh mit-tmun tal-Partit Nazzjonalista.
“Il-fatti huma evidenti hemm barra. Survey wara l-ieħor. Sejrin lura. Żgur li l-partit għandu bżonn l-għaqda. Jidher li l-għaqda ma ġietx.”
Grech qal ukoll li għandu pjan għall-finanzi tal-Partit Nazzjonalista. Pjan li kellu Delia u li spiċċa ma utilizzahx.
“Hemm pjan diġà għandi u anke Adrian Delia kellu pjan li ma utilizzax.”
Id-diskors dar ukoll fuq is-saga tat-taxxa ta’ Grech. Grech benġielha li ħafna drabi ħallas fil-ħin.
“Le ħallast ħafna drabi fil-ħin. Kien hemm xi affarijiet li iva ħafna drabi tħallsu wara.”
Giddeb ukoll l-esperti li ħejjew ir-rapport ta’ due diligence fil-konfront taż-żewġ kandidati.
Minkejja li l-esperti kienu qalu li Grech ma provdiex l-istampa kollha dwaru fejn ħeba n-nuqqasijiet fiskali tiegħu, issa Grech qal li huwa provda d-dokumenti kollha.
“Tajthom id-dokumenti kollha li talbuni.”
Ma naqsitx botta oħra lejn Delia u li tmur id f’id ma’ dik ta’ Jason Azzopardi fejn kien qal li Adrian Delia ma riedx jippubblika l-r-rapport ta’ due diligence.
Grech qal li malli dan wasal għandu hu ppublikah.
“Wara li għamilt 5 ijiem niġġieled biex dan ir-rapport jingħata lili. Kien ingħata lili dan jiena ppublikajtu kif inhu.”
Dwar għajdut prominenti li anke permezz ta’ Louis Galea, Grech żamm lura lil Roberta Metsola u lil Therese Comodini Cachia li jitfgħu isimhom għat-tellieqa tal-Kap, Bernard Grech qal biss li kien hemm min għamel pass lura.
“Kien hemm ovvjament min għamel pass lura, bqajt jiena.”
Minkejja dan, is-sorsi tagħna fi ħdan il-Partit Nazzjonalista qalulna li dan ma hu minnu xejn hekk kif Louis Galea wegħdhom karigi għolja fi ħdan il-Partit biex dawn ma jikkontestawx.
Madankollu kemm Metsola u kif ukoll Comodini Cachia jinsabu urtati ferm li ntużaw u ntremgħu mill-istess fazzjoni tagħhom sabiex Bernard Grech jikkontesta waħdu.