Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech attakka lil midja u anki lil Gvern li qed juża d-diskors tiegħu biex idawru fi spin politiku.
Grech qal dan waqt attività politika f’Ħaż Żabbar, ftit jiem wara li kien hu stess li ppolitiċizza l-imwiet ta’ persuni li kienu pożittivi għall-Covid-19 fi stunt politiku fuq it-taraġ ta’ Kastilja.
Mossa politika li ġabet magħha kritika minn saħansitra qraba ta’ dawk li tilfu ħajjithom mill-pandemija.
Bernard Grech stqarr: “Issa stennew. Stennew li wara li tkellimt hekk se jibda l-ispin tal-Gvern li qed nuża l-pandemija u l-vaċċinazzjoni għal spin politiku.”
Minkejja li pprova jipponta lejn il-Gvern għall-iżbalji politiċi tiegħu din ma kinitx l-ewwel darba li Grech ippolitiċizza l-pandemija.
Propju ġimgħa ilu f’Għawdex qal li jrid li pajjiżna jfittex joħroġ mill-pandemija biex imur għall-elezzjoni.
Huwa kien qal, “Aħna rridu li mill-aktar fis possibli noħorġu mill-pandemija ħalli mmorru għall-elezzjoni.”
Fuq l-istess tema tal-pandemija, Bernard Grech kompla jkun negattiv anki jekk pajjiżna għandu l-ogħla rata ta’ tilqim fost il-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea.
Bernard Grech sostna: “Hemm bżonn li jkollna roll-out iktar malajr.”
Bernard Grech sab il-ħin jattakka wkoll ir-riforma fil-kirijiet ta’ qabel l-1995, li ħabbar il-Prim Ministru is-Sibt filgħodu.
Quddiem il-fatt li fi żmien GonziPN, l-isfidi tal-inkwilini u tas-sidien tal-proprjetajiet mikrija qabel l-1995 ma ġewx indirizzati, issa li ħarġet riforma aħjar, il-Kap Bernard Grech kritika lill-Prim Ministru.
Bernard Grech sostna: “Tippruvax terġa’ tkompli titmejjel bin-nies kif għamilt bis-sidien, kif għamilt bl-inkwilini.”
Hekk kif issa l-Gvern assigura aktar serħan il-moħħ u aktar flus fil-but għas-sidien biex jieħdu valur aħjar tal-proprjetà mikrija, skont Bernard Grech il-Gvern kabbar din il-problema u mhux solvieha.
Huwa kompla jgħid: “Prim Ministru li jagħti l-impressjoni li solva problema meta fir-realtà se jkun qed ikabbarha.”
U quddiem il-passat anki ta’ GonziPN, li ħalla lis-sidien jitilgħu l-Qorti biex jieħdu tagħhom u l-inkwilini inkwetati x’se jiġri minnhom, Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista ma jistħix mill-passat tiegħu.
Hu stqarr: “Aħna ma nistħux mill-passat tagħna.”
Dwar l-aħħar żviluppi kbar fl-investigazzjonijiet fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u li ġabu aktar arresti, anki ta’ min hu suspettat li forna l-bomba li ntużat fl-omiċidju, Bernard Grech kompla ma’ dak li qal ftit tal-jiem ilu meta semma li dan ġara bis-saħħa tal-Partit Nazzjonalista u issa għajjar lil Gvern li għandu wiċċu tost.
Bernard Grech saħaq: “Imbagħad jiġu bil-wiċċ tost kollu jgħidulna li l-istituzzjonijet ħadmu jew li qegħdin jaħdmu.”
Huwa kkonkluda d-diskors tiegħu f’Ħaż-Żabbar b’attakk fuq Malta u saħaq li pajjiżna għadu mhux rispettat.
Bernard Grech tenna: “Nimxu ’l quddiem meta pajjiżna jkun pajjiż li jkun tassew rispettat madwar id-dinja kollha.”