Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech iddikjara li ma jafx min hu Emmanuel J. Galea, missier is-sieħba tal-kollega tiegħu Adrian Delia, wara li, għal aktar minn darba, dan attakkah pubblikament u qal li m’għandux viżjoni u li mhuwiex mexxej li jista’ jispira.
Fil-fatt, il-Ħadd li għadda fil-Malta Independent, Galea, li hu magħruf sew bħala attivist f’Għawdex, qal li Bernard Grech reġa’ offra ħafna wegħdi superfiċjali u mingħajr pjan, fosthom għall-gżira Għawdxija, filwaqt li m’offriex soluzzjonijiet.
Tant li, skont Galea, il-Kap Nazzjonalista wera biċ-ċar li ħsiebu biss biex joffri ideat li mhumiex fattibbli u diskors vag biex jipprova biss jintogħġob.
Fi kliem sempliċi populista.
Però mistoqsi dwar dan minn ġurnalista ta’ dan l-istazzjon, Grech qal li lanqas biss jaf min hu Galea li attakkah u lanqas ra l-artiklu.
ĠURNALISTA: “Inti tħoss li kien ġust miegħek Emmanuel Galea fuq li qal dwarek fuq il-Malta Independent?”
BERNARD GRECH: “Emmanuel Galea min hu?”
ĠURNALISTA: “Missier il-partner ta’ Adrian Delia. Hu qal li inti mhux mexxej li tispira. Fuq il-Malta Independent f’artiklu l-Ħadd.”
BERNARD GRECH: “Ma qrajthiex ta.”
Mifxul u skomdu għall-aħħar, Grech milli jidher nesa li l-avveniment li kellu ftit qabel kien wieħed pubbliku kemm fuq it-televiżjoni u anke għan-nies tal-midja.
Dan hekk kif, waqt l-attività fil-Parlament kien hemm anke preżenti l-midja tal-Partit Nazzjonalista stess.
Imma jħaffef jipprova jiżgiċċa l-mistoqsijiet u jfittex jidħol fil-karozza qalilna li din kienet attività privata biex ma ħalliniex nistaqsuh aktar mistoqsijiet.
ĠURNALISTA: “Għandi mistoqsija oħra jekk ma jimpurtax.”
BERNARD GRECH: “Insellimlek.”
ĠURNALISTA: “Qed taħrab mill-ġurnalisti?”
BERNARD GRECH: “Le ta kellna attività privata.”