Kompla t-ton negattiv u mimli attakki min-naħa tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech f’din il-kampanja elettorali.
Quddiem fiduċja f’pajjiżna minn investituri bħal easyJet, Gimas u ST Microelectronics, Bernard Grech infexx jattakka lill-Prim Ministru Robert Abela.
“Dan huwa Prim Ministru li niżżel lil pajjiżna fl-aktar livelli baxxi.”
Fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech reħilha għall-passat u semma Gvernijiet Nazzjonalisti, kif jagħmel ħafna drabi fid-diskorsi tiegħu.
“Inti semmejt li Gvern Nazzjonalista bena l-Mater Dei. Mhux hekk biss għamel Gvern Nazzjonalista.”
Hawnhekk semma kif fi żmien GonziPN infetaħ l-Isptar Mater Dei, li dam bosta snin sakemm inbena.
Skanska, li kienet il-kumpanija inkarigata mill-bini tal-Isptar Mater Dei fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista, snin wara kienet inżammet responsabbli għall-konkos difettuż li kien instab li jikkaratterizza diversi partijiet tal-Isptar.
Għaxar snin ilu, kien instab il-konkos difettuż f’Mater Dei, fi żmien meta Gvern Laburista kien ried jibni żewġ sulari fuq l-Emerġenza biex jiżdiedu s-sodod fl-isptar.
Analiżi tal-binja mill-kumpanija internazzjonali Arup kienet sabet li l-konkos fil-binja ma kienx b’saħħtu biżżejjed għal sulari addizzjonali.
B’riżultat ta’ dan ġiet stmata l-ispiża ta’ €150 miljun mit-taxxi tal-poplu biex dan id-difetti jiġu rranġati iżda l-Gvern ma setax ifittex għad-danni lil Skanska għaliex saret waiver mill-Gvern Nazzjonalista mal-kumpanija li Avukat tagħha kien Adrian Delia.