Il-Kap Nazzjonalista, Bernard Grech, baqa’ iżolat fil-kritika tiegħu fuq il-Budget, wara li s-sħab soċjali u nies mis-soċjetà ċivili tkellmu b’mod pożittiv dwar numru ta’ miżuri li ħa l-Gvern biex jaħseb għal-lum u għal għada.
Quddiem żidiet lill-pensjonanti u fiċ-children’s allowance, iċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa lil kwart ta’ miljun ħaddiem u għotja ta’ €10,000 lill-first-time buyers, Bernard qal li d-dokument ta’ qabel il-Budget tiegħu biss tajjeb.
Għal mistoqsija ta’ One News, huwa insista li l-PN “għandu Pre-Budget Document li jagħti viżjoni lill-pajjiż”.
Mistoqsi dwar il-fatt li l-midja sejħet id-dokument ta’ qabel il-Budget li ppreżenta l-Partit Nazzjonalista bħala “mess”, jiġifieri mimli taħwid u żbalji, Bernard Grech qal li kulma kien hemm kienu spelling mistakes.
“Bl-użu ta’ lingwaġġ infantili li hu inkoerenti, dan id-dokument hu mimli żbalji, minn spelling mistakes għal sentenzi ħżiena,” kienet kitbet il-Maltatoday, li nnotat anke r-ripetizzjonijiet. Qalet ukoll li hemm eżempji li jħallu dubju kbar x’kellu f’moħħu l-PN.
Iżda l-kritika ma waqfitx mal-iżbalji fl-ortografija. Fost l-oħrajn, il-Maltatoday osservat li l-Partit Nazzjonalista qabad u tefa’ fid-dokument proposti tas-sħab soċjali b’mod li ma jinftiehemx jekk il-Partit jemminx fihom jew inkella tefagħhomx hemm biex sempliċiment jimla l-paġni.
Dan hu eku tal-kampanja elettorali li għaddiet, meta l-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista kien mimli proposti doppji.
Iżda, kif qal Bernard Grech, id-dokument li ressaq hu għall-Budget “huwa ffukat”.