Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech attakka l-ingaġġ ta’ ħaddiema mal-Gvern fosthom fis-settur tas-saħħa u l-edukazzjoni.
Waqt kollegament telefoniku fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista, Grech qal hekk.
“L-ewwel ħaġa ejja nagħmluha ċara li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern fejn ikun hemm il-bżonn xorta se nkunu qed nimpjegaw ħaddiema mal-Gvern. Ma jfissirx li dan se nkunu qegħdin nagħmluh sempliċiment biex nakkwistaw il-voti.”
Hekk kif ma eskludix li jdaħħal nies mal-Gvern biex jieħu vantaġġ politiku, din id-dikjarazzjoni tixhed l-atteġġjament u l-prassi li kienu jwettqu dawk li llum huma l-id il-leminija tiegħu fosthom Ray Bezzina.
Bezzina li kien l-eks chief of staff tal-eks Ministru Nazzjonalista George Pullicino, kien l-moħħ wara l-ingaġġ skandaluż fil-Wasteserv.
Fil-fatt, 3 snin ilu ġew żvelati emails mill-MaltaToday li jikxfu kif bejn l-2009 u lejlet l-elezzjoni ġenerali tal-2013, iswed fuq l-abjad kien hemm indħil dirett tal-eks Ministri, deputati, kandidati Nazzjonalisti u magħhom uffiċjali tal-Gvern ta’ Lawrence Gonzi biex jagħtu impjieg b’mod dirett lill-votanti Nazzjonalisti fil-Wasteserv.
Intant waqt l-intervista tiegħu Bernard Grech pprova jqarraq dwar il-ħidma tal-Gvern fil-qasam tal-ġustizzja.
“Is-sitwazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja baqgħet sejra minn ġurnata għall-oħra għall-agħar u ma sar l-ebda avvanz.”
Madankollu jgiddbuh hemm ir-reazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja, il-Kummissjoni Ewropea u saħansitra ittra ffirmata mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen dwar ir-riformi kbar li twettqu f’pajjiżna li jsaħħu s-saltna tad-dritt.
Bernard Grech kien mistoqsi wkoll dwar l-aħħar stħarriġ mit-Times of Malta u li juri kif il-Prim Ministru Robert Abela kompla jżid fil-fiduċja mal-elettorat filwaqt li hu bħala Kap tal-Oppożizzjoni, kompla jnaqqas.
Dwar dan Bernard Grech qal hekk.
“Il-poplu Malti u Għawdxi qed juri li jrid bidla.”