Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech reġa’ sostna li l-wegħdi tiegħu fil-manifest elettorali tal-aħħar elezzjoni ġenerali kienu costed.
Huwa qal dan waqt intervista fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalita, is-Sibt filgħodu hekk kif mill-ġdid irrefera għal dak li ppreżenta quddiem il-poplu l-Partit tal-maduma f’wegħdi proposti għal din il-leġislatura.
Grech qal dan minkejja li fl-aħħar elezzjoni ġenerali, il-Partit Nazzjonalista qala’ kritika kbira għall-mod ta’ kif ippreżenta biss il-costings tiegħu wara li l-poplu beda jivvota biex jagħżel Gvern ġdid.
Preżentazzjoni li filwaqt li waslet tard, waslet ukoll mimlija żbalji.
Iżda, is-Sibt filgħodu Bernard Grech qal bil-kontra.
Qal, “Għax kienet costed. Għax aħna nagħmlu l-istudju, għax aħna nkunu qed nanalizzaw id-data li tkun qed toħroġ.”
Dan l-istess diskors Bernard Grech lissnu saħansitra ftit tal-jiem ilu, waqt attività politika tal-Partit Nazzjonalista, fejn saħansitra ftaħar bil-pjan ekonomiku tiegħu minkejja l-kritika li qala.
Qal, “Aħna għandna pjan ekonomiku. Ħriġnih meta kellna l-elezzjoni ġenerali s-sena l-oħra fil-programm elettorali.”
Intant, is-Sibt filgħodu, Bernard Grech ftaħar bil-passat tal-Partit Nazzjonalista, partikolarment bir-relazzjoni li kellu mal-Kummissjoni Ewropea.
Qal, “Dak iż-żmien kellna Gvern stmat u li kien jitwemmen mil-Kummissjoni Ewropea.”
Dan minkejja li l-istess Kummissjoni Ewropea tefgħet Gvern Nazzjonalista fi proċedura ta’ defiċit eċċessiv minħabba l-amministrazzjoni tal-finanzi ta’ pajjiżna fi żmien Gonzi PN.
Ma kienx jonqos li Bernard Grech jiftaħar ukoll dwar il-bini tal-isptar Mater Dei mill-istess Gvern Nazzjonalista.
Qal, “Għandna sptar li bnejna aħna state of the art.”
L-istess sptar li għalih il-poplu kellu joħroġ minn butu mal-€150 miljun ewro wara li nstab konkos difettuż wara li saru pjanijiet biex jinbnew żewġ sulari fuq l-emerġenza sabiex jiżdiedu s-sodod fl-isptar.
Spiża li kellha ssir ukoll wara li Skanska fi Frar tal-2009, kienet iffirmat ftehim mal-Gvern ta’ Lawrence Gonzi fejn fih l-istess Gvern ċeda d-dritt li jfittex lill-kumpanija Żvediża f’każ li joħorġu xi difetti fil-proġett f’tal-Qroqq.