Bernard Grech qal li l-Prim Ministru bidel id-deċiżjoni li jagħmel elezzjoni din is-sena wara li sema’ lilu jitkellem fil-Parlament. Dan qalu waqt intervista fuq l-istazzjon tiegħu l-Ħadd filgħodu.
“Il-Prim Ministru kien verament qiegħed jikkonsidra li jagħmel elezzjoni, kien anke ddeċieda li jagħmel elezzjoni imma mbgħad xi ħaġa ġara fil-weekend ta’ wara li tkellimt jien fil-parlament u ddeċieda mod ieħor.”
Bernard Grech spiċċa jgħid li l-Prim Ministru ġab l-inċertezza dwar id-data tal-elezzjoni. Dan għalkemm kienet il-gazzetta tiegħu il-Mument li għal aktar minn darba bdiet tispekola li l-elezzjoni kienet ġejja f’Novembru.
Artiklu fil-gazzetta the Malta Independent wkoll innota kif il-Partit Nazzjonalista ilu ġimgħat u xhur jipprova jibni ‘hype’ u jgħid li l-Prim Ministru kien ser jgħajjat elezzjoni bikrija.
L-artiklu mill-pinna ta’ Stephen Calleja jkompli jinnota kif il-Partit Nazzjonalista potenzjalment b’mod intenzjonat beda jqajjem instabbilità ikkawżata mill-konġetturi dwar id-data tal-elezzjoni.
Dan meta kien il-Partit Nazzjonalista stess li kien wara l-qlajjiet u l-ispekulazzjoni.