Il-Ħamis filgħaxija, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-Partit Laburista fadallu fil-Gvern bejn mitt u tliet mitt ġurnata.
Fil-Parlament, meta kien diskuss l-ambjent, il-Kap Nazzjonalista spiċċa jindirizza lill-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia u jgħoddlu l-ġranet.
Bernard Grech stqarr: “Forsi fil-ftit ġranet li fadallek, jekk Alla jrid forsi fadallek 100, 200, 300.”
Imbagħad skont Grech, il-Partit Laburista ma għamel xejn.
Bernard Grech saħansitra stqarr li Gvern Laburista mela l-pajjiż bil-miżbliet: “Il-miżbliet u ma nafx x’iktar għamlu f’dan il-pajjiż.”
Hawnhekk il-Kap Nazzjonalista ma semmiex li Gvern Laburista sab ma’ wiċċu problema kbira fl-immaniġġjar tal-iskart tant li wiret diversi miżbliet.
Grech nesa jsemmi wkoll kif biss ftit tax-xhur ilu, il-Partit Nazzjonalista għamel minn kollox biex jwaqqaf l-akbar investiment fl-immaniġġjar tal-iskart u li se jara l-bini ta’ impjant ġdid li jittrasforma l-iskart f’enerġija.
Dan billi fost oħrajn xewwex u għadda informazzjoni żbaljata lil bdiewa sabiex iwaqqaf il-proġett magħruf bħala ‘Waste To Energy’, li franka l-ħtieġa li tittieħed art ta’ mija u ħamsin elf metru kwadru biex tintuża għal-landfilling hekk kif ma kienx hemm iżjed spazju fejn jinġabar l-iskart.