Is-Sibt filgħodu xxandret intervista ta’ Andrew Azzopardi fuq 103 FM mal-Kap tal-Oppożizzjoni, li kompla bil-messaġġi tiegħu ta’ partit ankrat fil-passat.
Skont Bernard Grech, il-partit tiegħu fega l-pajjiż bil-ġid.
Qal, “Daħħalna anki fis-sittinijiet it-turiżmu u bqajna dejjem insaħħu fuqu. Hekk fgajnih il-pajjiż, bil-ġid.”
Quddiem dikjarazzjonijiet bħal dawn, anki l-preżentatur irrimarkalu kif l-ekonomija Maltija qed tikber, f’ġimgħa fejn ingħataw sinjali qawwija ta’ rkupru mill-pandemija u ċifri uffiċjali wrew li l-ġid nazzjonali sa tmiem is-sena li għaddiet jiżboq dak tal-2019, jiġifieri qabel il-pandemija, b’nofs biljun ewro.
Iżda għal Bernard Grech, huwa biss għandu viżjoni għall-pajjiż.
Hawn tenna, “Illi aħna b’responsabilità nkomplu nimbuttaw il-viżjoni tagħna li hija l-unika viżjoni li teżisti llum.”
F’intervista ta’ siegħa spikkaw iktar dikjarazzjonijiet li tiegħu biss tajjeb, b’Bernard Grech jisħaq li wara li tneħħa Adrian Delia, huwa għamel l-avvanzi.
Grech stqarr, “F’sena u nofs inħoss umilment li għamilna avvanzi kbar.”
Dan sostnieh f’kuntest li l-preżentatur staqsih fuq l-irtirar f’daqqa ta’ erba’ kandidati Nazzjonalisti fl-ewwel jum tal-kampanja elettorali.