Bernard Grech spiċċa jgħid li l-Partit Laburista mhux lest jiggverna.
Dan qalu f’diskors waqt attività politika fin-Nadur Għawdex.
Bernard Grech saħansitra qabbel il-proposti soċjali tal-Partit Laburista ma’ bċejjeċ tal-maġija ħerġin mill-kappell tal-magician.
Dan jum wara li fost l-oħrajn il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar proposta li l-għotja tal-carers li jieħdu ħsieb persuni b’diżabilità severa titla’ minn €500 għal €4,750 fis-sena.
Qal, “Qed jippruvaw joħorġu kultant hekk qisu ħiereġ bħalma jagħmel il-magician hekk minn ġo l-kappell. Kultant joħorġu xi ħaġa biex jippruvaw jimpressjonaw.”
Jum wara li l-FATF iddeċidiet li pajjiżna kkonkludiet b’mod sostanzjali l-pjan ta’ azzjoni u ddeċidiet li ssir żjara f’Malta biex tikkonferma dan il-proċess, Bernard Grech qal li dan kollu sar bis-saħħa tiegħu.
Il-Kap Nazzjonalista tenna, “Jekk Alla jrid jiġu l-FATF, qalulna li possibilment sa Ġunju jiġu, tajjeb. Wara l-elezzjoni. Taf xi jfisser? L-elezzjoni f’Marzu. Kemm hemm sa Ġunju? April, Mejju, Ġunju. Kemm huma dawn? Tlett xhur? Mela possibbli li noħorġu mill-Greylisting fi żmien tlett xhur? Qegħdin taraw li meta jien ntikom kelma, dik il-kelma jien nwettaqha.
Saħansitra Bernard Grech qal li l-Partit Laburista mhux preparat biex jiggverna.
Tenna, “Lanqas huma ppreparati biex jiggvernaw.”
Fin-Nadur ukoll, Bernard Grech kompla jkun il-wiċċ tal-passat hekk kif għal darba, darbtejn reġa’ beda juża l-islogans ta’ żmien Gonzi PN.
Hawn qal, “Għandna bżonn lil xi ħadd li għandu par idejn sodi, għandek bżonn lil xi ħadd b’par idejn sodi.”
Hawnhekk Bernard Grech kompla jħaddan l-ankri li jżommu l-Partit fil-passat hekk kif spiċċa jgħid bħal Viċi Kap tiegħu Robert Arrigo, li mal-Partit Nazzjonalista l-passat huwa garanzija tal-futur.
Grech stqarr, “U bħal m’għamilna fil-passat, serrħu raskom li se nkunu qegħdin nagħmlu fil-futur ukoll. Allaħares m’għamilhomx Partit Nazzjonalista ukoll dawn meta kien fil-Gvern.”