L-azzjoni ta’ Adrian Delia fuq il-Fosos, dik li ħa t-tim tiegħu bil-flokkijiet ‘Team Adrian Delia’ u li ma tħalltux mal-partitarji l-oħra biex jisimgħu l-Kap ġiet ikkundannata mill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech.
F’kummenti mal-Maltatoday, il-Kap Nazzjonalista qal li dak li għamel Delia huwa inaċċettabbli.
Qal, “Nibqa’ ninsiti li dawn it-tip ta’ azzjonijiet għalija ma humiex aċċettabbli. Aħna partit wieħed b’bandiera waħda u arma waħda u allura hemm bżonn li kulħadd jiġbed l-istess ħabel.”
Grech ma waqafx hawn hekk kif fi twissija ċara lil Delia qal li x-show force tat-Tnejn filgħaxija tmur kontra r-regoli tal-Partit Nazzjonalista.
Spjega, “Aħna anke fir-regoli tagħna għandna li ma jistgħux l-ebda kandidat li jkollu dawn it-tip ta’ flokkijiet u affarijiet.”
Jekk dan mhux biżejjed biex ikompli jikkonferma l-qasma bejn il-Fazzjoni tal-Eks Kap Simon Busuttil u dik ta’ Adrian Delia, il-magħżul tal-establishment tal-Partit Nazzjonalista insinwa li Adrian Delia ma jħarisx lejn l-interessi tal-elettorat.
Qal, “X’kienu r-raġunijiet u l-interessi tiegħu ma humiex ta’ interess għalija. Li jinteressani huwa li kemm hu u kemm kull kandidat u deputat jħares lejn l-elettorat b’rispett.
Ritratt: MaltaToday