Bernard Grech stqarr li Gvern Laburista ta l-imbarazz lill-Għawdxin.
Dan f’diskors diviżiv waqt rally fir-Rabat Għawdex fejn tenna li jrid ikun fil-Gvern biex ineħħi l-imbarazz.
“Inneħħu dak l-imbarazz li ġabulna tal-Labour.”
Fl-istess diskors ma setax jonqos li jagħmilha ċara li jiġri x’jiġri fl-elezzjoni mhux ser ikun qed jintrema’ u għalhekk mhux ser jitlaq is-siġġu tat-tmexxija tal-Partit mingħajr ġlieda.
“Qaltli qis li ma tintremiex għax jekk tintrema, tintrifes.”
Fl-istess rally wieħed mill-kelliema spiċċa jkompli mal-Kap Bernard Grech u jtenni li mhux kburi li hu Malti.
“Nemmnu fil-kapaċità tiegħek biex tagħmilna kburin li aħna Għawdxin u Maltin.”
Kelliema oħra wkoll stqarret, bl-approvazzjoni tal-Kap iċapċap warajha, li Gvern Laburista li mexxa lill-pajjiżna tul pandemija li ġabet kriżi mondjali bla preċedent, skontha mexxa b’mod dilettantesk.
“U b’mod dilettantesk kif mexxa dan il-Gvern.”
Imbagħad filwaqt li Bernard Grech reħielha jittewweb kontinwament u bid-Deputat Joe Ellis jagħti b’rasu u jogħnos warajha, hija spiċċat qalet li Gvern Laburista farrak lil Malta.
“Wara li farrku lil Malta.”
Ma’ din in-negattività kompla Bernard Grech fejn hawnhekk reħielha jipprova jbeżża’ lill-elettorat.
“Ma tistgħux terġgħu tafdawhom.”
F’diskors nieqes mill-viżjoni Bernard Grech saħansitra spiċċa jattakka lill-Gvern li malli feġġ il-kunflitt fl-Ukrajna alloka mitejn miljun ewro għall-effetti li pajjiżna possibilment jaffaċja.
B’mod skorrett qal li l-mitejn miljun ewro intefqu f’ġimgħa.
“Tant illi mil-ewwel taw ‘price tag’ għax dawn hekk, dawn kollox flus jaraw. Mill-ewwel qalulna illi tafettwana u ħa tiswina minn tal-inqas mitejn miljun ewro fl-ewwel ġimgħa, għax dawn hekk flus biss.”
Huwa reħielha jappella b’ton aggressiv biex in-nies jgħollu rashom u jqumu.
“Jeħtieġ illi ilkoll inqumu, jeħtieġ illi ilkoll ngħollu rasna.”
Bernard Grech ftaħar ukoll li jekk il-Partit Nazzjonalista jkun fil-Gvern jerġa’ jagħmel kif kien għamel fil-passat.
“Dejjem hekk konna u hekk ser nerġgħu nagħmlu.”
Grech bħal donnu qara moħħ kulħadd hekk kif wara li wera li huwa l-wiċċ ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti tal-passat huwa tenna dan il-kliem.
“Min tafu issaqsix għalih.”