Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech iddefenda l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista li ma jissottomettix proposti fil-konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma tal-bini u l-kostruzzjoni.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Partit Nazzjonalista ma jagħmilx is-sottomissjonijiet tiegħu.
“Ma jfissirx li nagħmlu sottomissjonijiet lill-Gvern.”
Ftit tal-ġimgħat ilu, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, permezz tal-Kelliem għall-Ippjanar Stanley Zammit, kienet ikkommettiet ruħha li kienet se tressaq il-proposti tagħha fil-konsultazzjoni pubblika dwar il-liċenzjar tal-kuntratturi, kif tixhed din id-dikjarazzjoni.
“Għandna, jekk mhux sejjer żball, sal 21 ta’ April.”
Bernard Grech, imbagħad, qalilna li l-konsultazzjoni pubblika jagħmilha hu.
“Il-konsultazzjoni pubblika nagħmluha aħna.”
Dawn id-dikjarazzjonijiet ikomplu ma’ dik tat-Tnejn mill-istess Kap, ftit tal-ħin wara li ġie żvelat kif il-Partit Nazzjonalista ma pparteċipax f’konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma fil-qasam tal-bini.
“Aħna m’għandniex għalfejn nipparteċipaw fil-proċess.”
Intant, filwaqt li ma tefa’ l-ebda sottomissjoni fil-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika – indikazzjoni dwar in-nuqqas ta’ ideat li tikkaratterizza l-Partit Nazzjonalista bħal ma ġara fir-riforma tal-liġi tal-kannabis – Bernard Grech mill-ġdid aċċenna għall-pjan li ressaq fl-elezzjoni li għaddiet.
Il-Kap Nazzjonalista kompla jitkellem b’mod li juri li jemmen li tiegħu kollu tajjeb u ta’ ħaddieħor huwa ħażin.
“Sena ilu, iva, ħejjejna viżjoni għal dan il-pajjiż. Ma ntagħżlitx. Ma jfissirx li mhix viżjoni tajba. Ifisser li ntagħżlet għażla oħra – ippermetuli ngħid li mhijiex viżjoni.”
Il-Kap Nazzjonalista qal dan kollu waqt attività organizzata mill-Partit Nazzjonalista li spiċċat mifnija b’argumenti bejn dawk li jirrappreżentaw lill-ħaddiema u min iħaddem.
Kien propju hawn li dehret ċara skumdità kbira fost il-ħaddiema tal-Partit, tant li l-cameraperson ta’ dan l-istazzjon ġie mwaqqaf milli jieħu filmat.