Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech sejjaħ bħala ħrafa l-iskandu tal-konkos difettuż fl-Isptar Mater Dei.
Hu ddikjara dan meta kien qiegħed jindirizza attività politika f’San Pawl il-Baħar.
Sorsi, li tkellmu ma’ ONE News, saħqu li din kienet intenzjonata bħala botta lil Adrian Delia għax terġa’ tqanqal il-fatt li l-predeċessur ta’ Grech kien qed jirrappreżenta lil Skanska meta dak iż-żmien ġiet innegozjata mal-Gvern Nazzjonalista klawżola fil-kuntratt li teżonera lill-istess kumpanija Żvediża minn kull ħtija ta’ difetti simili.
Issa l-Kap Nazzjonalista sab ix-xoqqa f’moxtha biex mill-ġdid jagħti daqqa taħt iċ-ċintorin lill-fazzjoni Delia, li llum qed tagħmillu rebus fid-Dar Ċentrali, u qanqal il-memorji tal-konkos minn għaxar snin ilu billi rabatha mal-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.
Kien hawn li sejjaħ dan l-iskandlu bħala xi ħaġa li vvinta l-Partit Laburista meta ngħata l-fiduċja biex imexxi l-pajjiż.
“Imma kien hemm bżonn jivvintaw raġuni. Malli tellgħu, bdew isemmu li hemm il-konkos ħażin f’Mater Dei.”
Dan minkejja li, kif kulħadd jaf, fl-elfejn u erbatax, meta Gvern Laburista xtaq ikabbar l-Emerġenza biex tilqa’ għal iżjed pazjenti, instab minn kumpanija speċjalizzata, Arup, li hi rinomata mad-dinja, li l-konkos kien inferjuri għal dak li jintuża fil-bankini u allura l-bini ma kienx jiflaħ aktar sulari.
Dak iż-żmien kien stmat li l-ispiża biex il-ħsara titranġa kienet se titla’ għal madwar mijanu ħamsin miljun ewro.
Waqt li l-Gvern Laburista kien fetaħ proċeduri barra minn xtutna biex ifittex lil Skanska għad-danni, fil-kawża kien ħareġ ċar li, minħabba dik il-klawżola li Gvern Nazzjonalista ffirma ma’ Skanska, l-ispiża kellha tinġarr direttament mill-Istat u allura mill-poplu Malti u Għawdxi.
Affarijiet li jafhom kulħadd, iżda, bis-soltu isteriżmu tiegħu, Grech f’San Pawl il-Baħar kellu l-ardir li jistaqsi lil dawk quddiemu kif, allura, ma ttieħdu l-ebda proċeduri ġudizzjarji kontra xi ħadd.
“Jekk sar xogħol ħażin, kif ħadd ma tressaq il-Qorti.”
Hu kompla li dan kien biss gideb u ħrejjef tal-Partit Laburista fil-Gvern.
SOT 3 BERNARD GRECH
KAP NAZZJONALISTA
“Qed taraw kemm jigdbu lil-poplu. Ivvinta l-ħrafa tal-konkos ħażin. Ilu jigdeb għal 11-il sena.”