Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Gvern nefaq il-flus ta’ pajjiżna biex jixtri l-voti tal-poplu Malti u Għawdxi.
Huwa qal dan fl-għeluq tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista fejn fih il-kandidat tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil ġie elett bħala Viċi Kap.
Dan permezz ta’ vot fejn fih 30% tal-kunsilliera Nazzjonalisi lanqas marru jivvutaw u b’hekk ikkonfermaw l-apatija kbira li qed tiddomina fid-Dar Ċentrali Bernard Grech.
F’tentattiv li jostor dan, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech f’diskors quddiem numru żgħir ta’ attivisti u deputati, infexx f’attakk fil-konfront tal-ħidma ta’ Gvern Laburista.
Fost oħrajn irrefera għar-riżultat elettorali ta’ ftit xhur ilu. Minkejja li tilef bl-akbar telfa elettorali fl-istorja ta’ Malta indipendenti huwa qal li l-Gvern xtara l-voti.
Qal, “Nefaqhom biex ikun jista’ jixtri l-voti tal-poplu Malti u Għawdxi.”
Dan b’referenza għaċ-ċekkijiet ta’ sostenn li l-Gvern qassam sabiex il-poplu jiġi mgħejjun quddiem iż-żieda fl-inflazzjoni. Il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech kien irrefera għal din l-għajnuna bħala soppa msaħħna.
Huwa stqarr, “Din hija soppa msaħħna li Robert Abela ħareġ mill-fridge.”
Għall-kuntrarju tal-Partit Nazzjonalista, din l-għajnuna finanzjarja ġiet imfaħħra mill-isħab soċjali fil-pajjiż u kienet takkumpanja aktar għajnuna fosthom dik tal-Covid Wage Supplement, li permezz tagħha ġew salvati għexieren ta’ eluf ta’ impjiegi biex illum Malta għandha l-inqas numru ta’ nies qiegħda f’pajjiżna.
Madankollu Bernard Grech bħal meta qal li huwa jistħi jgħid li hu Malti, kompla jkun negattiv.
Qal, “Pajjiżna mhux miexi fit-triq it-tajba.”
Saħansitra maqdar is-sistema tas-saħħa f’pajjiżna li tul il-pandemija tal-Covid-19 stabbilixiet ruħha bħala waħda fost l-aqwa fid-dinja.
Intant Bernard Grech rrefer għall-kburija tal-Partit Nazzjonalista li bena sptar state of the art.
Dan minkejja li fl-elfejn u erbatax ġie skopert il-konkos difettuż f’Mater Dei fi żmien meta l-Gvern kien beda bi pjanijiet sabiex jibni żewġ sulari fuq l-emerġenza sabiex jiżdiedu s-sodod fl-isptar.
Dak iż-żmien analiżi tal-binja mill-kumpanija internazzjonali Arup kienet iwriet li l-konkrit fil-binja tal-emerġenza ma kienx b’saħħtu biżżejjed biex jiflaħ iż-żewġ sulari. Riżultat ta’ dan ġiet stmata l-ispiża ta’ 150 miljun ewro mit-taxxi tal-poplu biex dan il-konkos jittranġa.
Stqarr, “Konna kburin għax kien il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern li għamel sptar state of the art.”