Fil-każin Nazzjonalista ta’ Ħal Tarxien, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Gvern huwa ċċassat u mingħajr soluzzjonijiet.
Huwa kien qiegħed jitkellem dwar l-inflazzjoni li ħakmet il-pajjiżi Ewropej u dawk f’partijiet oħra tad-dinja minħabba l-gwerra fl-Ukrajna.
Qal, “Pero, hija realtà wkoll li għandna Gvern li huwa ċċassat u ma joffri ebda soluzzjonijiet.”
Bernard Grech qal hekk meta l-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela qiegħed jinvesti biljun ewro f’dawn is-sentejn sabiex iżomm il-prezzijiet tal-enerġija, tal-fjuwil. u tal-qamħ stabbli, kemm għall-familji u kif ukoll għan-negozji.
Għal darba oħra, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech baqa’ ankrat fil-passat, meta għal darba, darbtejn baqa’ jirreferi għall-gvernijiet Nazzjonalisti.
Qal, “Kif konna għamilna meta konna fil-Gvern … ta’ kif konna għamilna meta konna fil-Gvern.”
Ma’ Bernard Grech dwar il-passat kompla d-Deputat Nazzjonalista Mario de Marco, li qal li taħt gvern Nazzjonalista, il-pajjiż kien kburi, waqt li qal ukoll li fl-istess żmien ma kienx hemm faqar.
Qal, “Aħna konna pajjiż kburi, il-faqar qridnih.”
Fl-istess attività tkellem ukoll id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar li qal hekk.
Qal, “Naraw illi anki l-ambjent, illi huwa suġġett illi l-Gvern qiegħed jiskartah…”
Dan intqal fl-istess ġimgħa meta l-Gvern nieda l-aġenzija Project Green, li se twettaq l-akbar investiment ambjentali li qatt ra pajjiżna. Dan hekk kif b’investiment ta’ €700 miljun f’seba’ snin se jsiru diversi spazji ħodor fil-qalba tal-komunitjiet f’Malta u Għawdex.