Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech stqarr li l-ġid tal-lum huwa frott dak li għamlu Gvernijiet Nazzjonalisti fis-sittinijiet.
Dan qalu f’attività politika fix-Xagħra, Għawdex fejn il-Kap Nazzjonalista kompla jkun nostalġiku lejn il-Gvern ta’ GonziPN fejn fost l-oħrajn faħħar lill-eks Ministru Nazzjonalista Giovanna Debono.
Kien hawn li faħħar lill-amministrazzjonijiet Nazzjonalisti għal ġid li qed igawdi minnu pajjiżna llum.
Qal, “Il-frott li qed naqtgħu illum fil-pajjiż ġej mis-siġar li bnejna meta konna fil-Gvern, il-pilastri eknomiċi li bdejna fis-sittinijiet.”
Intant, il-Kap Nazzjonalista f’dagħdiha ta’ isteriżmu kompla jikxef l-iskopijiet veri tal-politika tiegħu.
Qal, “Aħna rridu u se nkunu Gvern.”
Intant, indirizzaw ukoll l-attività politika tal-Partit Nazzjonalista d-Deputati Nazzjonalisti Alex Borg u Chris Said fejn komplew bil-politika tal-fake news u li hija intiża biex tbeżża’.
Fil-fatt, fi żmien fejn Għawdex għandu fost l-inqas rati ta’ qgħad li qatt esperjenza, hekk kif dawk li jirreġistraw għax-xogħol f’Diċembru li għadda kienu jlaħħqu biss tnejn u sebgħin persuna skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, id-Deputat Nazzjonalista Chris Said qal hekk.
Qal, “Għal Għawdex hemm bżonn ukoll li jkun hemm bidla li jkollna Gvern tal-Partit Nazzjonalista.”
Dan minkejja li f’Diċembru tal-2012 taħt l-aħħar amministazzjoni Nazzjonalista, il-qgħad kien kważi għaxar darbiet aktar ta’ dak fil-preżent b’seba’ mija u tlettax-il persuna.